Fis-sajf l-annimali man-nies fil-katamaran

Mis-sajf li ġej, l-annimali li jagħmlu l-vjaġġ fuq il-katamaran, se jibdew jittellgħu fuq u ma jibqgħux fil-garaxx.
F’Awwissu, kelb spiċċa miet wara li kellu jitħalla fil-karozza waqt vjaġġ tal-katamaran minn Malta lejn Sqallija.
Malli Newsbook.com.mt kien ippublika l-istorja, persuni li jħobbu l-annimali fetħu petizzjoni onlajn, iħeġġu lil Virtu Ferries tbiddel il-politika tagħha dwar il-ġarr tal-annimali.
L-informazzjoni li se tinbidel il-policy tal-Virtu Ferries, ingħatat mill-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat fil-Parlament bi tweġiba għal mistoqsija tad-deputat nazzjonalista Mario Galea.
Il-Ministru Brincat qal li skont spezzjoni li saret fl-aħħar ta’ Awwissu mid-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja, instab li l-annimali m’għandhomx jinżammu fil-garaxx tal-katamaran bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Settembru.
Filwaqt li sa issa l-kumpanija għadha ma tat l-ebda konferma li bidlet il-policy biex waqt il-vjaġġ l-annimali ma jitħallewx fil-garaxx, id-Direttorat se jassigura li sas-sajf il-policu ġdida tkun iddaħħlet fis-seħħ.
Spjega li sa ma seħħ dan l-inċident, ma kienx hemm għalfejn tittieħed xi forma ta’ azzjoni. Dan għax filwaqt li kien magħruf li l-klieb kienu jinżammu fil-garaxx waqt it-traġitt bejn Malta u Sqallija, qatt ma kien hemm xi indikazzjoni li dan seta’ kien ta’ periklu u lanqas qatt ma kien irrapurtat xi każ ta’ sofferenza.