Aġġornata bil-filmat: Firelight jagħmlu l-provi ġenerali qabel is-semifinali t’għada

21.50: Fl-arena Daniża bħalissa qed issir it-tieni prova ta' qabel is-serata semifinali t'għada.  Il-grupp Firelight illejla reġa' kanta Coming Home. L-interpretazzjoni ta' llejla ħarġet b'ħafna aktar enerġija minn dik ta' dalgħodu, fil-waqt li l-vuċijiet reġgħu kienu amalgamati tajjeb.  Issa tkompli tiżdied l-ispekulazzjoni dwar x'ser jiġri anqas minn erbgħa u għoxrin siegħa oħra meta jitla' s-separju tat-tieni serata tas-semifinali Ewroviżiva u dwar jekk il-kanzunetta Maltija tgħaddix għas-serata finali tas-Sibt li ġej.
17.18: Il-membri tal-grupp Firelight meta tkellmu ma' Newbook.com.mt ftit ħin wara li ntemmet l-ewwel prova qalu li waqt l-ewwel prova ġenerali ta' llum wara nofsinhar l-għan ewlieni tal-grupp Firelight kien li jiffoka fuq il-viżiv tal-kanzunetta. Apparti dan qalu li kien hemm bidla teknika li saret mill-organizzaturi tal-festival u li l-grupp Firelight sab hekk kif tela' fuq il-palk li minħabba fiha ukoll kellhom jaddattaw ruħhom għaliha. 
Issa kollox ippreparat biex fid-9pm tibda t-tieni prova ġenerali qabel is-semifinali t'għada.
Aktar kmieni: Għadha kemm intemmet l-ewwel dress rehearsal tal-grupp Firelight bi preparazzjoni għat-tieni serata semifinali t'għada l-Ħamis.
Il-kanzunetta Coming home f'din il-prova uriet biċ-ċar l-armonija tal-vuċijiet tal-grupp Firelight. Imqabbla mal-provi ta' qabel, din id-darba kien hemm ftit anqas enerġija evidenti fuq il-palk. Jista' jkun pero' li dan ġara għax illejla se jkun hemm il-prova fejn tivvota l-ġurija, liema prova hija importanti ħafna għax tgħodd ħamsin fil-mija tar-riżultat t'għada.
Il-kartolina li se takkumpanja lill-kanzunetta Maltija se turi lill-grupp Firelight joħloq il-bandiera Maltija fuq bajja permezz ta' gradilja li se tingħata n-nar.
Din il-prova saret quddiem sitt elef tifel u tifla Daniżi li ħonqu s-sala f'Copenhagen. DIn il-belt illum qed tiċċelebra l-jum nazzjonali tat-tfal u stiednet lit-tfal kollha tal-iskejjel biex jattendu għal dan l-ispettaklu. 
Filmat: Eurovisionary.com