Fire engine jew fajerenġin?

Wara ħafna xhur ta’ stennija, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti lesta r-rapport dwar il-kitba tal-kliem mill-Ingliż għall-Malti, għalkemm dan għadu mhux uffiċjali.
L-għan tar-rapport “Lejn id-Deċiżjonijiet 2,” hu li joffri linji gwida fuq kif għandu jinkiteb il-kliem li l-Malti jieħu mill-Ingliż.
Ir-regola attwali dwar il-kitba ta’ dan il-kliem tmur lura għall-1984 u għalhekk kien ilu jinħass il-bżonn li din tiġi aġġornata.
Dawn huma biss uħud mill-punti ewlenin fil-qosor:

  • Qabel ma wieħed juża kelma missellfa, għandu jiżgura ruħu li ma jkunx hemm diġà kelma stabbilita fil-Malti. Eż: ‘ċitazzjoni’ minflok ‘ticket’ jew ‘vara’ flok ‘illonċja.’
  • Kelma missellfa mill-Ingliż jista’ jkollha aktar minn pronunzja waħda fil-Malti. Jekk il-kittieb jagħżel li jiktibha la Maltija, din il-varjabilità għandha tkun irrispettata fil-kitba, eż. ‘festival’ jew ‘festivil’.
  • Kull kelma missellfa mill-Ingliż li daħlet fil-Malti u qagħdet għar-regoli morfoloġiċi tiegħu għandha tkompli tinkiteb hekk. Eż. ‘Brejk – brejkijiet.’
  • Il-plural missellef tal-Ingliż ‘-s’ ma għandux jitqies awtomatikament bħala kriterju tal-integrazzjoni. Jekk jiġri hekk ħafna min-nomi Ingliżi jistgħu jitqiesu integrati fil-Malti.
  • Kliem magħmul minn żewġ kelmiet għandu jinkiteb bl-Ingliż. Eż. ‘air conditioner’ u mhux ‘erkondixiner’.
  • Kliem li jitħalla la Ingliża jista’ jkun immarkat bil-virgoletti, bil-korsiv jew kif jidhirlu l-awtur.
  • Meta l-kittieb jiddeċiedi li jikteb kelma la Maltija, dan għandu jiktibha fonetikament kif tinstema’ fil-Malti skont ir-regoli uffiċjali tal-ortografija Maltija. Eż. ‘kompjuter’ u mhux komputer jew ‘computer.’

Għalhekk jidher li huwa f’idejn il-kittieb li jiddeċiedi hu jekk il-kelma bl-Ingliż tkunx tassew meħtieġa u jkunx irid jiktibha la Maltija, iżda jekk se jagħmel dan irid jiktibha fonetikament kif tistema’ bil-Malti (ara l-eżempju tal-‘kompjuter’).
Iżda, biex nirreferu għat-titlu ta’ dan l-artiklu, fil-każ ta’ kliem kompost dan għandu jibqa’ jinkiteb bl-Ingliż, jiġifieri ‘fire engine’ u mhux ‘fajerenġin.’
Ir-rapport tħejja wara żewġ seminars pubbliċi ta’ konsultazzjoni (wieħed fl-2008 u ieħor fl-2016), u wara numru kbir ta’ laqgħat li organizza l-Kunsill tal-Malti ma’ individwi interessati minn entitajiet u oqsma differenti ewlenin, bħall-edukazzjoni, it-traduzzjoni u l-qari tal-provi, il-pubblikazzjoni, il-ġurnaliżmu u x-xandir.
Il-Kunsill tal-Malti qed jagħti l-aħħar opportunità lil kull min hu interessat, jew forsi ma setax jattendi għas-seminars, biex jekk għandu xi punt dwaru jgħaddihulu fl-indirizz kunsilltalmalti@gov.mt sa tmiem Diċembru 2017 qabel ma dan jgħaddi mill-aħħar passi formali biex isir uffiċjali.

Ritratt: Ian Noel Pace