“Firda” imma “pjan ta’ medjazzjoni” – il-gazzetti dwar il-kriżi fil-PN

L-effett tal-konklużjonijiet prinċipali tal-Inkjesta Egrant fuq il-Partit Nazzjonalista llum reġa’ ġie rrappurtat mill-ġurnali b’mod estensiv.

“Tal-mistħija għal Delia jekk Busuttil ma jiġix sospiż” – Times

It-Times of Malta kkwotat sorsi li qalu li d-deċiżjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kienet mgħaġġla u li twassal biss għal iktar firda fil-PN. Spjegaw li jekk ma tgħaddix it-talba ta’ Delia għas-sospensjoni ta’ Busuttil, din tkun xi ħaġa tal-mistħija ħafna għalih. Irrappurtat ukoll li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-PN ma jaqblux ma’ din id-deċiżjoni ta’ Delia.

Fuq l-istess ġurnal, kiteb id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis li qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed titlef il-kredibilità minħabba diżgwid u aġir irresponsabbli.

“Stabbiliti t-terms of reference għall-medjazzjoni” – Independent

Min-naħa tagħha, The Malta Independent irrappurtat li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u l-Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Tonio Borg, stabbilew it-terms of reference tal-medjazzjoni li qed issir bejn Delia u Busuttil.

“L-ebda triq oħra għal Busuttil” – Frank Portelli mal-Orizzont

Intant fl-Editorjal tagħha, L-Orizzont qalet li Busuttil għandu jerfa’ r-responsabbilità politika għall-pożizzjoni li ħa dwar l-allegazzjonijiet dwar Egrant. Tgħid li Busuttil messu vverifika l-livell ta’ verità li kien hemm fl-istorja.

Mal-istess ġurnal, l-ekskandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN Frank Portelli qal li l-inkjesta dwar Egrant ma ħalliet l-ebda triq għal Simon Busuttil ħlief li jerfa’ r-responsabbilità u jirriżenja.

F’opinjoni, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li “il-Gvern għamel sew meta mill-ewwel qabad il-barri minn qrunu, u talab lill-Maġistrati biex jinvestigaw kull allegazzjoni”. Scicluna qal li r-riżulat tal-inkjesta dwar Egrant huwa ta’ serħan kbir.

In-Nazzjon tibqa’ tistaqsi: “Ta’ min hi Egrant?”

Fl-Editorjal tagħha, In-Nazzjon  tiffoka fuq l-inkjesta nnifisha u tgħid li din għamlet numru ta’ sejbiet interessanti, li fi kliemha la l-Gvern u lanqas il-Partit Laburista ma jridu jitkellmu fuqhom. Tistaqsi wkoll numru ta’ mistoqsijiet li għadhom iridu jiġu mwieġba, fost l-oħrajn ta’ min hi Egrant, għal min twaqqfet u xi flus kienu se jidħlu fiha.