Fir-Republika Ċentrali Afrikana qed iħanxru għonq it-tfal

Isqof missjunarju Spanjol fir-Republika Ċentrali tal-Afrika qal li l-militanti tal-grupp ribell “Seleka” li hu dominat mill-Musulmani, attakkaw u ħarbtu l-missjoni kattolika fil-villaġġ ta’ Gambo u qatlu 50 persuna u ħanxru għonq numru ta’ rġiel u tfal.
L-Isqof Juan-José Aguirre Muñoz qal li ma setgħax jiċċelebra ‘l quddiesa fil-Kattidral ta’ Bangassou għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat.  Il-Papa Franġisku li kien żar il-pajjiż fl-2015, il-ġimgħa li għaddiet ikkundanna bil-qawwa il-qtil vjolenti li qed isir kontra l-komunita’ nisranija f’dan il-pajjiż.
“Il-grupp ta’ Musulmani ma jridu jisimgħu minn ħadd u moħħom biss biex jiġġieldu. Dawn ipoġġu bil-qegħda quddiem il-Kattidral u ma jħallu lil ħadd jgħaddi. Għal tliet iħdud wara xulxin ma stajniex niftħu l-Kattidral”, qal l-Isqof Munoz.
Skont il-ġurnal tal-Vatikan, “Osservatore Romano” l-Isqof qal li hu nkwetat ukoll għal dak li jista’ jiġri lil madwar 2000 Musulman li jgħixu fid-djoċesi tiegħu għax jibża’ li dawn jistgħu jkunu attakkati mill-grupp tal-militanti.
Ir-ribelli “Séléka” kienu waqqgħu lill-Gvern tal-pajjiż fl-2013 iżda tilfu l-poter sena wara. Iżda l-Gvern attwali ftit li xejn għandu awtorita’ barra mill-belt kapitali Bangui.
Uffiċċjal tal-Nazzjonijiet Uniti wissa’ li kien hemm sinjali ta’ ġenoċidji mwettqa mis-Seleka u l-għedewwa tagħhom , il-Moviment Anti-Balaka.  Hu qal li l-pajjiż qed jirriskja li jiffaċċja kriżi umanitarja jekk il-komunita’ internazzjonali ma tarax x’se tagħmel biex twaqqaf il-vjolenza kbira li hemm. “Il-vjolenza qed tikber u qed tirriskja li l-pajjiż jirrepeti l-esperjenza devastanti li għadda minnha erba’ snin ilu”, wissa’ Stephen O’Brien, Kap tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ntbagħtet biex tgħin fil-pajjiż.
L-Isqfijiet ikkundannaw il-ħruxijiet imwettqa miż-żewġ naħat.