Fir-Repubblika Ċeka: Iżommu omm ħajja fuq magna sabiex tispiċċa t-tqala

Pexels.com / Rene Asmussen

Meta ħelikopter ħa mara mir-Repubblika Ċeka l-isptar wara li ntilfet minn sensiha kawża ta’ puplesija f’April, iċ-ċansijiet tagħha li tgħix kienu żgħar ħafna, iżda dawk tat-tarbija li kienet qed iġġor f’ġufha kienu aħjar.

Fil-15 ta’ Awwissu, minkejja li bosta kienu xettiċi, twieldet tifla b’ċesarja u f’saħħitha. Minkejja li l-mara kienet klinikament mejta, inżammet “ħajja” fuq il-magni għal 117-il ġurnata sat-twelid tat-tarbija.

Huwa mifhum li din hija l-aktar tqala twila b’suċċess meta l-omm tkun klinikament mejta.

L-omm, li l-identità tagħha ma ġietx żvelata, kienet ġiet iddikjarata klinikament mejta ftit tal-ħin wara li waslet l-isptar. It-tobba mbagħad immedjatament bdew il-ħidma biex isalvaw lit-tarbija. Huma poġġew il-mara ta’ 27 sena fuq magna u kienu regolarment iċaqalquha sabiex jistimulaw l-iżvilupp tat-tarbija.

Wara t-twelid, li għalih kien hemm ir-raġel u qraba oħrajn preżenti, il-magni li fuqhom kienet qed tinżamm ħajja l-mara intfew u tħalliet tmut.