Fir-Renju Unit tikkritika lill-Imħallfin dwar il-liġi ta’ deportazzjoni

Fir-Renju Unit, is-Segretarja tal-Intern Theresa May ikkritikat lill-Imħallfin li qalet injoraw il-liġi ta’ deportazzjoni. Qed tallega li l-pajjiż sar aktar perikoluż billi ġew injorati regoli mmirati biex jiġu deportati aktar persuni barranin ħatja ta’ atti kriminali serji.

Is-sena li għaddiet, il-membri parlamentari approvaw linja gwida għall-Imħallfin fejn iċċaraw li għandu limitu d-dritt ta’ persuna kriminali għal ħajja familjari. Theresa May qalet li hija trid tintroduċi liġi sabiex persuni barranin li jkunu ħatja ta’ atti kriminali serji jiġu deportati. Hija allegat li l-Imħallfin qed jinjoraw ix-xewqat tal-parlament.

Il-linja gwida kienet imfassla biex ġġib fi tmiem iċ-ċirkostanzi fejn id-dritt tal-ħajja familjari, kif imniżżla f’Artiklu tal-Konvenzjoni Ewopea Dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kienet qed tintuża biex jiġġustifika d-dritt li persuni barranin ħatja ta’ atti kriminali serji jibqgħu fir-Renju Unit flok jiġu deportati.

Statistika tal-Uffiċċju tal-Intern uriet li mal-180 persuna kriminali barranija evitaw li jiġu deportati f’dawn l-aħħar sentejn wara li kkonvinċew lil Imħallfin dwar id-dritt tagħhom għal ħajja tal-familja fir-Renju Unit.