F’inqas minn tliet xhur, l-Arriva tkeċċi 40 xufier b’dixxiplina

Minn informazzjoni li għandu Newsbook, mill-bidu ta’ Jannar sal-lum, mal-40 xufier tal-Arriva intemmilhom l-impjieg wara li ttieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tagħhom. Sorsi qalu li l-kumpanija tieħu b’serjeta’ kbira d-dixxiplina tal-impjegati fuq ix-xogħol li jinvolvi kuntatt dirett mal-passiġġieri, u għaldaqstant xi individwi intalbu jitilqu minn mal-kumpanija jew tkeċċew. Dan wara li wħud minnhom, fost l-oħrajn instabu ħatja li serqu flus jew xorbu l-alkoħol waqt il-ħin tax-xogħol.

Propju llum, il-kumpanija Arriva għaddejja b’jum ta’ reklutaġġ ta’ xufiera ġodda. Hu mifhum li l-kumpanija qed tfittex madwar 200 xufier ġdid biex jaħdmu fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku.

Il-kumpanija saħansitra qed tirreklama f’pajjiżi barranin fosthom l-Ingilterra u Spanja. Dan sabiex issib ix-xufiera li teħtieġ fuq ir-rotot kollha.

Kelliem għall-kumpanija Arriva qal lil Newsbook li llum l-uffiċjali tagħha huma mpenjati bir-reklutaġġ u ma jistgħux iwieġbu l-mistoqsijiet.