Iktar minn 120 persuna bi problemi fil-karozza waqt il-maltempata

Mill-inqas 120 persuna kellhom bżonn problemi bil-karozza waqt il-maltempata li ħakmet lil Malta nhar il-Ġimgħa li għadda.
Newsbook.com.mt tkellem ma' żewġ kumpanijiet tat-towing, l-MET Road Assistance u l-RFL. Filwaqt li kelliem tal-MET qal li f'inqas minn 20 siegħa kellhom madwar 70 telefonata, kelliem tal-RFL qal li kellu iktar minn 50. Qalu li kien jum impenjattiv ħafna u li t-telefonati bdew diħlin mis-7.00 ta' filgħodu u baqgħu sejrin sa tard wara nofsillejl.
Ir-rappreżentant tal-MET qal li kull meta jkun hemm maltempata, l-ammont ta’ nies li jċemplu għall-għajnuna dejjem ikun ogħla minn ġranet oħra. Dan minħabba li riżultat tal-ilma kbir li jkun hemm fit-toroq, ħafna jkunu dawk li tiqfilhom il-karozza wara li jsuqu f’xi triq fejn il-livell tal-ilma jogħla mhux ftit.