Finnair se tibda’ tbigħ l-ikel ta’ fuq l-ajruplan fis-supermarkets

Clemens Vasters

Bil-għan li ssalva l-impjiegi ta’ dawk li jaħdmu fil-kċejjen tagħha, il-linja ta’ l-ajru nazzjonali tal-Finlandja, Finnair, iddeċidiet li tibda’ tbigħ l-ikel ta’ fuq l-ajruplan fis-supermarkets, u fil-frattemp, kull min qed iħossu nostalġiku sabiex jivvjaġġa, jista’ għall-inqas jimmaġina li jinsab fuq l-ajruplan.

Skont il-linja tal-ajru Finlandiża, din l-iskema ‘pilota’ li qed tissejjaħ “Taste of Finnair” hija maħsuba sabiex twassal ukoll ikel “ta’ kwalità għolja” lill-konsumaturi. Il-kunċett kulinarju huwa bbażat fuq taħlita ta’ ikel Nordiku u Ġappuniż fejn l-ikel jinkludi meatballs taċ-ċerv, salamun tal-Artiku u teriyaki beef. Skont il-kċina ta’ Finnair, ikla waħda tiġi bil-prezz ta’ madwar $12 (€10).

Għall-bidu, dawn l-ikliet se jkunu qed jinbigħu minn K-Citymarket Tammisto ġewwa Vantaa, ftit ‘il barra minn Helsinki. Minn hemm imbagħad, il-kumpanija tittama li l-kunċett jirnexxi u tibda’ tbigħ l-ikel tagħha minn postijiet oħra madwar il-pajjjiż kollu.  

“Nixtiequ nwasslu l-opportunità lin-nies ikollha esperjenza ta’ dak li Finnair kapaċi toffri u fl-istess ħin, tgawdi ftit lussu fid-dar tagħhom stess, speċjalment bħalissa li ħafna ma jistgħux jivvjaġġaw,” qalet Marika Nieminen, il-Viċi President ta’ Finnair Kitchen.

“Fl-istess ħin, qed inżommu lill-koki tagħna ġewwa Vantaa f’xogħolhom meta ħafna mill-impjegati ta’ Finnair Kitchen spiċċaw tilfu l-impjieg tagħhom. B’dan l-esperiment ġdid, nemmnu li kapaċi nġibu xogħol u impjiegi lin-nies tagħna,” kompliet tgħid. 

Hekk kif il-pandemija ġegħlet ħafna linji ta’ l-ajru jissospendu ħafna mit-titjiriet tagħhom, il-linja Finnair ma’ kinitx eċċezzjoni hekk kif kellha tkeċċi l-parti l-kbira tas-7,000 ħaddiema tagħha. F’Settembru, it-titjiriet naqsu b’91% meta mqabbel mas-sena l-oħra, skond Nieminen. 

Għaldaqstant, jidher li Finnair sabet aspett pożittiv. Hekk kif 60% tal-ħaddiema fil-Finlandja qed jaħdmu mid-dar, dan wassal għal żieda qawwija fil-bejgħ ta’ ikel takeaway