Finco dwar it-tilwima ma’ La Valette Funds SICAV, BOV u VFM

Finco Treasury Management Ltd qalet li “fil-jiem li għaddew issottomettiet numru sostanzjali  ta’ lmenti f’isem investituri fil-La Valette Multi Manager Property Fund lill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji. Dan b'rabta mat-tilwima mal-La Valette Funds SICAV, il-Fund Manager tal-istess Fond, il-Valletta Fund Management Ltd, u l-Kustodju tal-Fond,il-Bank of Valletta plc”.
Stqarrija ta’ Finco qalet li “l-investituri li ssottomettew l-ilment tagħhom lill-Arbitru jikkonsistu kemm f’investituri li kienu rċevew €0.75 kull sehem f’Ġunju 2011, kif ukoll oħrajn li kienu rċevew €0.25 addizzjonali f’Jannar 2013”. 
L-istqarrija ssuktat li “l-ishma fil-Fond kienu nxtraw bi prezzijiet sa  €1.1650 kull sehem, u dan apparti kummissjoni inizjali ta’ 4% u l-imgħax mitluf.  L-investituri jsostnu li ma ġewx restawrati fil-pożizzjoni finanzjarja preċedenti għall-investiment u dan minkejja li l-Fond tmexxa b’mod kuntrarju għal dak li kien jistabilixxi l-Prospectus tal-Fond”. 
Finco kompla li r-Restrizzjonijiet tal-Investiment – jiġifieri l-esklużjoni li jsiru ċertu investimenti spekulattivi – kienu miksura mis-SICAV  u mill-VFM b’mod manifest, kontinwu u ripetut fir-rigward tal-parti l-kbira tal-investimenti li għamel il-Fond, u kien dan li kkawża t-telf massiċċ involut. 
Qal ukoll li “agħar minn hekk, il-BOV, bħala Kustodju li kellu jħares l-interess tal-investituri, ħareġ rapporti foloz lill-investituri ta’ kull sena fejn b’mod żbaljat żvijhom meta kkonferma li l-Fond kien qed jiġi ġestit skont il-Prospett.  Dawn l-allegazzjonijiet kienu kkonfermati mill-MFSA li imponiet ukoll multi rekord kontra l-VFM u l-BOV.  Dawn tal-aħħar ma appellawx is-sanzjonijiet impost”.
Finco awgura li “l-BOV jestendi l-koperazzjoni kollha tiegħu fil-proċess tal-Arbitru, u mhux li, b’mod miftuħ jew minn taħt, jipprova jimmanuvra u jimmina l-istess proċess”.