Finches eżotiċi f’wirja fil-Furjana

Għal sena oħra l-Assoċjazzjoni tal-Exotic Finches f’Malta se ttella' wirja tal-finches eżotiċi.

Din il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 14 ta’ Settembru mid-9am sad-9pm u l-Ħadd 15 ta’ Settembru mit-8am sas-1pm.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tittella’ fi Project House fi Triq Francesco Buonamici, il-Furjana.

Fl-2012, f'din il-wirja ġew esebiti 400 finch u r-rispons pożittiv inkoraġixxa lill-Assoċjazzjoni biex terġa’ ttella’ wirja simili din is-sena, bil-parteċipanti kkonfermati jaqbżu dawk tas-snin preċedenti.

Esebiti fil-wirja se jkun hemm finches eżotiċi differenti fosthom il-Gouldian Finches, Zebra Finches, Parrot Finches u Java Sparrows.

Fil-wirja l-pubbliku se jkun jista japprezza d-diversita' ta’ għasafar li flimkien joħorġu l-kuluri tal-qawsalla b’mod uniku.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Finches Eżotiċi twaqqfet f’Ġunju 2012 bil-għan li tagħti l-appoġġ tagħha lil dawk li jrabbu dawn il-finches, tippromwovi t-trobbija u l-wiri ta’ dawn l-ispeċi, torganizza seminars edukattivi fuq is-suġġett u fuq kollox ittella’ din il-wirja annwali.