Finanzjament tal-Partiti: Dikjarazzjoni falza minn kandidat ittelliflu s-siġġu

Kandidati għall-elezzjoni ġenerali se jkunu jistgħu jonfqu sa €20,000 għal kull distrett elettorali li jikkontestaw għall-kampanja elettorali tagħhom, iżda f’każ ta’ dikjarazzjoni falza jew jekk jaqbżu l-limitu permess, b’sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali se jitilfu s-siġġu tagħhom jekk jiġu eletti.
Din hi waħda mill-bidliet li qed jipproponi l-Gvern fl-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, li l-Gvern ressaq għat-Tieni Qari fil-Parlament illejla bil-għan li l-liġi tgħaddi qabel ma’ l-Parlament jaġġorna għall-btajjel tas-sajf iktar tard dan ix-xahar.  
Għal dan il-għan se jiddaħħal Artiklu ġdid fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. S’issa, kandidati jistgħu jonfqu sa massimu ta’ €1,400 għall-kampanja elettorali tagħhom.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici spjega dan hekk kif fetaħ id-diskussjoni fil-Parlament, f’dik li sejjaħ “okkażjoni storika”.
Il-Ministru qal li din hi t-tielet liġi imressqa mill-Gvern li ttejjeb il-mod ta’ kif issir il-politika fil-pajjiż – wara t-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq reati minn politiċi, u l-liġi dwar il-Whistleblowing. Qal li hekk tiżdied it-trasparenza fil-politika, il-partiti jsiru iktar kredibbli u kontabbli mal-membri tagħhom u mas-soċjetà b’mod ġenerali, jinħolqu strutturi biex il-partiti politiċi jissaħħu u għall-ewwel darba jkollhom regoli li jridu jobdu.
Qal li l-abbozz ta’ liġi ppreżentat fil-Parlament hu fil-parti l-kbira tiegħu dak li pprepara Dr Franco Debono fil-leġiżlatura li għaddiet u li ppreżenta bħala Mozzjoni privata f’Jannar 2012. Il-Gvern Laburista adotta dan l-abbozz, li dwaru fetaħ diskussjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni ta’ White Paper iżda wara d-diskussjoni adotta anke bidliet.

X’tgħid il-liġi:
Hekk kif tgħaddi l-liġi, il-partiti politiċi kollha fil-pajjiż ikollhom żmien tliet xhur biex jirreġistraw irwieħhom mal-Kummissjoni Elettorali u jipprovdu kopja tal-istatut tagħhom, l-arma tal-partit u isem il-persuna responsabbli mill-finanzi.
Il-liġi titratta wkoll id-donazzjonijiet minn privati:

  • Donazzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-€40,000 f’sena minn sors wieħed
  • Donazzjonijiet anonimi sa €50 euro biss
  • Donazzjonijiet bejn €50 u €500: partit politiku hu obbligat li jżomm l-isem ta’ min ikun, ir-reġistru jibqa’ għand il-partit. Il-Kummissjoni Elettorali għandha d-dritt li tara r-reġistru f’każ ta’ suspett.
  • Donazzjonijiet bejn €500 u €7,000: is-sors irid jiġi identifikat fir-rapport annwali dwar id-donazzjonijiet tal-partiti.
  • Donazzjonijiet bejn €7,000 u €40,000: is-sorsi jridu jiġu ddikjarati pubblikament. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li l-liġi tħares iktar lejn id-donazzjonijiet u mhux l-iffinanzjar tal-partiti politiċi mill-istat kif ippropona l-PN. Saħaq li l-partiti politiċi m'għandhomx ikunu mixtrija imma jrid ikollhom is-sorsi adegwati biex ikunu jistgħu jaħdmu, għalhekk il-liġi trid tkun l-aqwa liġi possibbli. B'finanzjament mill-istat, il-partiti jkunu "tal-ħafna mhux biss tal-ftit li jagħtu donazzjonijiet", saħaq Said hekk kif spjega kif numru ta' pajjiżi Ewropej jirregolaw dan it-tip ta' finanzjament.