Finanzjament ta’ €192 miljun għan-negozji permezz tal-BOV-MDB COVID Assist

Il-Bank of Valletta jkompli jappoġġja n-negozji lokali.

Read in English.

Bla dubju ta’ xejn, dawn l-aħħar xhur kienu ta’ sfida kbira għal ħafna negozji. Il-Bank of Valletta mill-ewwel qam għall-okkażjoni biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-komunità tan-negozju sabiex tegħleb dawn l-isfidi bla preċedent kkawżati mill-pandemija COVID-19.

“Il-Bank of Valletta, mill-bidu nett, wiegħed l-impenn tiegħu lin-negozji sabiex jgħinhom jgħaddu minn dawn iż-żminijiet diffiċli u immedjatament nieda numru ta’ miżuri,” qal Albert Frendo, Chief Credit Officer fi ħdan il-Bank of Valletta. “Waħda mill-inizjattivi ewlenin li ħalliet impatt sinifikanti fuq l-ekonomija Maltija kienet l-iskema BOV-MDB COVID Assist. Permezz tal-kollaborazzjoni b’saħħitha li għandna mal-Malta Development Bank (MDB), sa tmiem Awissu, konna diġà approvajna ‘l fuq minn € 192 miljun lil -265 entità kummerċjali. Dawn il-fondi kienu immirati sabiex isaħħu il-likwidità ta dawn in-negozji.”

“Aħna kburin li konna l-mutur ewlieni tal-iskema. Mit-tnedija tal-iskema sa Ġunju, 80% tal-faċilitajiet totali approvati taħt MDB COVID-19 Guarantee Scheme kienu sottoskritti mill-Bank of Valletta. Bħala l-Bank ewlieni ta’ Malta, għal darb’oħra qed nipprovdu għajnuna tanġibbli lill-komunità tan-negozju u qed nikkontribwixxu bis-saħħa sabiex l-ekonomija Maltija tirkupra.”

Minbarra dan l-appoġġja finanzjarju, il-Bank jipprovdi wkoll pariri dwar l-immaniġjar tal-finanzi u l-livelli tad-dejn, fejn dejjem iħeġġeġ lin-negozji biex ifittxu bilanċ tajjeb. “Huwa kritiku li wieħed iġib biżżejjed fondi mill-bank sabiex ikollu l-likwidità meħtieġa, iktar u iktar matul dawn iż-żminijiet. Madankollu n-negozjant irid ikun konxju li dak li jissellef illum, jeħtieġ li jitħallas lura mid-dħul u l-profitt ta’ għada, għalhekk il-prudenza f’dawn iż-żminijiet hija essenzjali,” spjega iċ-Chief Credit Officer tal-BOV.

“Filwaqt li l-prospetti futuri għadhom inċerti, jibqa’ ċar li n-negozji se jkomplu jeħtieġu l-likwidità, finanzjament sod u strateġiji tajba biex jirkupraw u jirnexxu. Se nibqgħu nagħtu l-appoġġ tagħna sabiex l-ekonomija tirkupra billi nkomplu nipprovdu assistenza u aċċess għall-finanzjament lin-negozji lokali,” temm jgħid Frendo.

Il-BOV-MDB COVID Assist tipprovdi kreditu b’rati ta’ imgħax sussidjati, bi ħtieġa ta’ inqas garanziji u moratorju fuq il-ħlas tal-kapital u l-imgħax sabiex l-operaturi tan-negozju jkunu jistgħu jkopru l-bżonnijiet tal-kapital u l-ispejjeż operattivi tan-negozju. Din tibbenefika mill-MDB COVID-19 Guarantee Scheme.

In-negozji li jixtiequ jieħdu benefiċċju mill-BOV-MDB COVID Assist għandhom jibagħtu email lil smefinance@bov.com, jew jekk huma klijenti tal-BOV lir-Relationship Manager tagħhom, il-Business Centre jew Corporate Centra tal-Bank. Iktar informazzjoni ta’ kif wieħed jista’ japplika tinstab permezz ta’ dan il-link.

Is-self kollu huwa soġġett għall-kriterji normali tal-Bank dwar is-self u għall-approvazzjoni finali mill-Bank. It-termini u l-kundizzjonijiet huma disponibbli fuq il-websajt tal-BOV. Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Din l-istqarrija giet maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c.  L-istqarrijiet kollha tal-BOV tista ssibhom fuq www.bov.com. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Dipartiment tal-PR & Marketing tal-BOV fuq +356 2275 3461