Finali tal-ASMK Autocross posposti għal nhar is-Sibt

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjażżjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) organizzat is-seba’ programm mill-Kampjonati ASMK.
Minkejja l-maltemp li għamel matul il-lejl, l-ASMK għamlet minn kollox biex il-programm ikompli kif kien previst.
Għaldaqstant il-fatt li l-korsa kienet imxarrba, l-ispettaklu ma naqasx għax is-sewwieqa kellhom jitħabtu biex iżżommu l-vettura tagħhom stabbli.
Minkejja dawn il-kundizzjonijiet, ħadu sehem 24 kompetitur maqsumin fil-klassi Autocross Modified u Autocross Standard.
Fil-Klassi Autocross Modified, Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo, Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo u Lucas Pace fuq Honda Civic akkwistaw l-ogħla punteġġ tal-ġurnata iżda ħadd mill-kompetituri kollha ma rrnexielu jirbaħ l-heats kollha tal-ġurnata.
Farrugia, Galea u Pace mill-ewwel sabu posthom fil-finali Klassi A.
Ma’ dawn ikkwalifikaw ukoll Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova, Godfrey Gauci fuq Ford Fiesta u Philip Grima fuq Ford Escort.
Għall-finali klassi B ikkwalifikaw Malcolm Borg fuq Opel Corsa, Philip Joe Vella fuq Opel Corsa, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, Jason Martin fuq Volkswagen Polo, Pedro Attard fuq Fiat X-19 u Godwin Martin fuq Opel Corsa.
Sfortunatament l-instabiltà fit-temp baqgħet tippersisti matul il-ġurnata kollha u l-Finali A u B kellhom jiġu posposti għal nhar is-Sibt li ġej fis-2:00pm.
Fl-Autocross Klassi Standard, Deane Farrugia fuq Citroen AX 1400cc ġie fl-ewwel post segwit minn John Agius fuq Peugeot 206.
Is-Sibt 7 ta’ Frar l-Assoċjazzjoni ser torganiżża wkoll serata biex tonora liċ- ċampjins tal-Kampjonati tal-2013/2014, kif ukoll lir-rebbieħa tal-aħħar żewġ attivitajiet li saru f’Ta Qali.
Intant nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar ħa tiġi organizzata t-tielet attività Enduro fil-barriera ta’ Torri Falka limiti taż-Żebbiegħ tal-Imġarr.