Aġġornata: Kellu l-malarja r-raġel li ddaħħal l-isptar b’sintomi simili għall-Ebola

Aġġornata 11.22am
Irriżulta li r-raġel li ddaħħal l-Isptar Mater Dei b’sintomi simili għal dawk tal-Ebola, għandu l-malarja. Huwa għadu qed jinżamm l-isptar għall-osservazzjoni. Kif irrappurta Newsbook.com.mt iktar kmieni, ir-raġel li huwa Afrikan, qed jinżamm iżolat mill-kumplament tal-pazjenti tal-Mater Dei.
Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li tard ilbieraħ filgħaxija, l-awtoritajiet ġew infurmati dwar il-każ ta’ dan ir-raġel li kien qed jivvjaġġa mis-Senegal lejn Malta. Wara li nstab li kellu d-deni, huwa ttieħed l-isptar matul il-lejl li għadda.
Thejja rapport mediku dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu skont il-protokoll li jrid jiġi segwit mill-awtoritajiet kull meta jkun hemm suspettat każ ta’ Ebola.
Ir-raġel ittieħed fis-sezzjoni tal-Infezzjonijiet li Jittieħdu, li twaqqfet apposta għal dawn il-każijiet.
Persuni oħra li kienu f'kuntatt mar-raġel ukoll ġew eżaminati fejn instab li m’huma qed isofru minn ebda sintomu. Dawn il-persuni wkoll qed jinżammu iżolati.

Aktar kmieni
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li dalgħodu raġel iddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li kellu sintomi li setgħu jixbhu lil dawk tal-Ebola. Madankollu jidher li t-testijiet li saru fuqu rriżultaw fin-negattiv.
L-istess sorsi indikaw li r-raġel huwa ta’ nazzjonalità barranija, għalkemm in-nazzjonalità tiegħu għadha m’hijiex magħrufa.
Ir-raġel qed jinżamm iżolat mill-kumplament tal-pazjenti.
Aktar dettalji x’ħin jaslulna.