Filwaqt li ppruvajna nsalvaw qattus marid xi ħadd rema 4 frieħ – CLAWS

Read in English.

L-għaqda CLAWS li tieħu ħsieb qtates abbandunati qalet li filwaqt li kienet qed tipprova ssalva ferħ ta’ qattus li kien jidher marid mill-Mellieħa, xi ħadd rema erbat ifrieħ f’barmil.

Fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, l-għaqda qalet li aktar kmieni din il-ġimgħa ġiet mgħarrfa b’żona fil-Mellieħa fejn kien hemm numru ta’ qtates li kellhom bżonn l-għajnuna. Qalet li b’mod speċifiku kien hemm ferħ ta’ qattus li kellu infezzjoni kbira f’għajnejh u b’hekk ma setgħetx tirrifjuta li jagħtu l-għajnuna tagħhom.

Il-persuni wara l-paġna spejgaw li bil-għajnuna ta’ xi persuni li jitimgħu l-qtates fiż-żona, il-ferħ inqabad u issa jinsab taħt il-kura tal-għaqda.

Qalu li sakemm kien qed iseħħ dan kollu, xi ħadd rema barmil b’erba’ frieħ ta’ qtates li wkoll kellhom bżonn trattament għax kienu morda. Dawn għandhom bżonn ukoll xi ħadd li jieħu ħsiebhom sakemm jibdew jieklu ikel solidu. Komplew jgħidu li għamlu s-sigħat jippruvaw isibu lill-omm imma ma rnexxielhomx.

Intant, il-ferħ l-ieħor salvat, li semmewh Banana jidher li kawża tal-infezzjoni f’għajnejh spiċċa għami għall-kollox.