“Filwaqt li jien rieqed il-merħla tiegħi qed tinqatel” stqarr Isqof fil-Filippini

L-Isqof Pablo Virgilio David

L-Isqof Pablo Virgilio David ta’ Kaloocan, fil-Filippini esprima d-diżappunt tiegħu li ma kienx kapaċi jipproteġi l-merħla tiegħu mill-ilpup.

L-Isqof qal dan wara li persuni b’wiċċhom mgħammad sparaw u qatlu armla ta’ 27 sena li kienet qed tgħin familji li l-maħbubin tagħhom inqatlu fil-ġlieda li l-Gvern qed jagħmel kontra d-droga.

L-Isqof David li l-merħla tiegħu tikkonsisti f’aktar minn miljun Kattoliku, fir-raba’ l-akbar belt fil-Filippini, qal li d-djoċesi tiegħu saret “għalqa tal-qtil”.

“Illum, b’mistħija u frustrazzjoni niddikjara li ma kontx ragħaj tajjeb għall-merħla tiegħi” qal l-Isqof waqt quddiesa għal Konferenza ta’ Evanġeliżazzjoni ġdida f’Manila.

“L-ilpup ilhom jiġru fit-toroq u l-isqaqien ta’ Caloocan, Malabon u Mavotas għal dawn l-aħħar sentejn. Diġà qatlu mijiet ta’ persuni u jien mhux kapaċi nipproteġi lil dawn in-nies b’ħajti.

“Inmil bil-mistħija jekk ir-Ragħaj it-Tajjeb jikkundannani bħala sempliċi merċenarju li jibqa’ fis-sigur u jista’ jkollu raqda tajba f’sodda sħuna bil-lejl waqt li n-nagħaġ tiegħu qed jinqatlu. U dan għidt lili nnifsi waqt li bkejt, il-lejl li għadda”, stqarr l-Isqof sogħbien.