Films tal-biża’ u catwalks siekta fil-Fashion Week ta’ New York

Fl-għeluq ta' New York Fashion Week l-ġimgħa li għaddiet, rajna wirjiet xejn tas-soltu minn diżinjaturi ta' fama internazzjonali, kif ukoll dawk emerġenti. 
Fosthom kien kemm il-wirja ta' Raf Simons, id-diżinjatur magħruf, li għadu kif ingħaqad mad-ditta Calvin Klein, b’ilbies minn films tal-biża’ Amerikani. Dan l-ilbies kien ikkaratterizzat minn tbajja’ ħomor biex jixbaħ l-ilbies imċappas bid-demm ta' Sissy Spacek fil-film Carrie.
L-aħħar wirja fl-iskeda ta’ New York Fashion Week kienet tad-diżinjatur Marc Jacobs fejn, bħalma ġieli għamel fi staġuni oħra, ħoloq spettaklu fis-silenzju. L-iskop hu li jwassal il-messaġġ li l-kollezzjoni tiegħu m’għandhiex bżonn mużika biex toħloq l-attenzjoni u l-ispettaklu. B’hekk l-udjenza setgħet tisma' l-ħsejjes tat-tkaken mexjin u ċ-ċekċik taż-żibeġ fuq il-ħwejjeġ.
Għal darboħra l-belt ta’ New York fl-Istati Uniti wriet għaliex verament ħaqqha l-pożizzjoni tagħha bħala l-kapitali ewlieni tal-moda.