Films qosra mnebbħa minn poeżiji bil-Malti

Tnedew għaxar films qosra fuq poeżiji li l-istudenti jistudjaw għall-eżami tal-Malti ta’ tmiem l-edukazzjoni sekondarja.
Fost il-poeżiji li nħadmu f’films insibu li nkitbu f’dawn l-aħħar snin bħal Refuġjata ta’ Mario Azzopardi, Passaġġi ta’ Ġorġ Borġ, Jien ta’ Victor Fenech, Jum San Valentin ta’ Maria Grech Ganado, B’Idejna ta’ Adrian Grima u Fejn Jorqod ir-Riħ ta’ Achille Mizzi.
Inħadmu wkoll films fuq poeżiji ta’ poeti ewlenin bħal Dun Karm Psaila, Anton Buttigieg u Rużar Briffa.
Dawn il-films inħadmu mill-istudenti tal-Baċellerat fl-Istudji tal-Midja fl-MCAST bi sħab mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti tas-Sekondarja tad-Dipartiment tal-Kurrikulu.
It-tnedija uffiċjali tal-proġett saret mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
Il-proġett tal-films huwa wieħed minn għadd ta’ inizjattivi li t-Taqsima tal-Malti fid-Dipartiment tal-Kurrikulu ħadet f’dawn l-aħħar xhur biex jinħolqu riżorsi għall-istudenti u l-għalliema, li wieħed jista’ jsibhom fis-sit elettroniku malti.skola.edu.mt.

Ritratt: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill