Films qosra li jesploraw it-tema Ewropea

Read in English.

Żewġ films qosra ispirati mill-identità Ewropea qed jiġu murija waqt l-attività Summer Cinema li qed iddur diversi rħula f’Malta u Għawdex. Maħduma minn diretturi stabbiliti, il-films ġodda jagħtu interpretazzjonijiet inċisivi u kommoventi dwar kif l-Ewropej illum iħarsu lejn il-ħajja.

The Key, b’direzzjoni ta’ Valerie Muller u Angelin Preljocaj, iwassal messaġġ sottili dwar in-nisġa ta’ kulturi mifruxa mal-kontinent l-antik u jgħaddi lill-udjenza qalb xeni interessanti li jinbidlu minn drammatiċi għal allegri, b’għadd ta’ mumenti komiċi wkoll.

Id-Direttur Eżekuttiv Kreattiv Babak Hosseiny jgħid li l-film ikellem direttament lill-ġenerazzjoni li qed tibni l-Ewropa li jmiss u jħares lejn The Key bħala simbolu qawwi tal-futur tal-Unjoni.

The Shape, imbagħad, għandu karattru aktar misterjuż u astratt. Dirett minn Jaco van Dormael, il-film intensiv idur ma’ poeżija profonda ta’ Paul Éluard, Liberté, u jsostni argument dwar x’inhu dak li joħloq komunità tipika Ewropea. Van Dormael jiddeskrivi l-produzzjoni bħala expressjoni poetika li għandha l-kapaċità li twassal messaġġi differenti lil persuni differenti.

L-attività bla ħlas u fl-apert hija l-okkażjoni perfetta biex jitgawdew dawn iż-żewġ film oriġinali. Minbarra dawn, Summer Cinema se twassal ukoll films klassiċi oħra u l-attività se tibqa’ tiġi mtella’ kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija sas-6 ta’ Settembru. Il-programm sħiħ huwa ppubblikat fuq vallettafilmfestival.com.

The Key u The Shape huma parti minn serje ta’ films minn #EUandME, li hija inizzjattiva tal-Kummissjoni Ewropea.