Films maħduma f’Malta fuq Canale 5

Xena mill-film Presagi, li nħadem f'Malta. Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Read in English.

Sensiela ta’ 6 films Taljani li kienu nħadmu f’Malta se jkunu qed jerġgħu jixxandru matul il-lejl mit-Tnejn 1 ta’ Ġunju fuq l-istazzjon Canale 5.

6 Passi nel Giallo kienet serje ta’ 6 films li kienet ixxandret għall-ewwel darba fl-2012 u issa wara tant snin se jkunu qed jitwasslu matul dawn il-ġranet, bl-ewwel żewġ films jixxandru matul din il-ġimgħa.

L-ewwel film, Visions of Murder – Presagi, jixxandar mal-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta fis-01.50am u apparti d-diversi postijiet f’Malta li fih inġibed se nkunu qed naraw bosta atturi Maltin li jingħaqdu mal-protagonisti Andrea Osvart, Criag Nierko, Alessandro Riceci, Eliana Miglio, Margherita Vicario u Roberto Zibetti.

L-atturi Maltin li jidhru fl-ewwel film huwa Edward Mercieca, Marc Cabourdin, Sarah Naudi, Coryse Borg u Edward De Gaetano.

Xena mill-film Presagi, li nħadem f’Malta. Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

L-istorja ta’ dan il-film tlaqqagħna ma’ Annalisa Dossi li tkun medium. F’lejl minnhom toħlom bl-omiċidju brutali ta’ tifla u għalhekk tiddeċiedi li tmur għand il-pulizija. Fl-istess ħin tifla, Alice, tisparixxi, u jkun hawn li Harry Chasem eks aġent tal-FBI li jkun irtirat f’Malta, jiddeċiedi li jgħinha. Jirriżulta li t-tifla li Annalisa rat fil-ħolm tagħha ma tkunx Alice. Imma allura min hi?

Dan il-film għandu direzzjoni ta’ Lamberto Bava.

It-tieni film minn din is-sensiela li se jixxandar matul din il-ġimgħa huwa The Bodyguard – Sotto Protezione. Se jkun qed jixxandar fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa fit-2.45am.

Xena mill-film Sotto Protezione, li nħadem f’Malta. Ritratt: Tani Canevari / Uffiċju stampa Mediaset

Joe Azzopardi, Marc Cabourdin, Manuel Cauchi u Paul Portelli huwa fost l-atturi Maltin li se jkunu qed jidhru f’dan il-film li għandu bħala protagonisti lil Adriano Giannini, Katrina Law u Enrico Silverstrin. Id-direzzjoni hi ta’ Edoardo Margheriti.

L-istorja titratta d-delitt ta’ tfajla, Maria Silvestri. Il-kuġin tagħha jiġi akkużat b’dan id-delitt. Waqt li jkun qed jiġi trasferit lejn il-ħabs, jiġi attakkat u d-daqqiet li ajqla’ jagħmluh inkapaċi jiftakar sew x’kien ġara fil-lejl tad-delitt.

Minn din is-sensiela hemm 4 films oħra li mistennija, dejjem jekk ma jkunx hemm tibdil fl-iskeda tal-istazzjon, li jixxandru fil-ġimgħat ta’ wara.