Filmat u Ritratti: Velja għas-siġar u t-trakka tal-ġiri f’Santa Luċija

Ġie organizzat velja f’Santa Luċija, fejn se tkun qed tinbena mina u roundabout minflok it-trakka tal-ġiri u s-siġar li hemm bħalissa. Il-velja li kien organizzat minn Save Santa Luċija Open Spaces Network u Extinction Rebellion sar biex tinżamm it-trakka u b’turija ta’ solidarjetà lejn is-siġar li ftit ftit qed jinqalgħu biex jagħmlu post għar-roundabout.

Il-proċess ta’ tqaċċit tas-siġar beda l-ġimgħa l-oħra u hu ppjanat li jkompli aktar ma jsir iż-żmien li tinbena l-mina u ssir ir-roundabout il-ġdida. Il-ġimgħa l-oħra, l-Awtorità għar-Riżorsi u Infrastructure Malta ppruva jassiguraw lill-pubbliku li s-siġar li se jinqalgħu se jiġu mħawwla postijiet oħra. Huma qalu li fil-pjan hemm li jitħawwlu 2,000 siġra b’kollox.

AQRA: Jitqaċċtu s-siġar biex jibda l-proġett f’Santa Luċija

AQRA: Persuni jintrabtu mas-sigar bi protesta kontra s-Central Link

AQRA: €20,000 f’24 siegħa biex jisfidaw il-proġett tas-Central Link

It-tneħħija tas-siġar intlaqgħat ħażin ħafna mill-NGOs u persuni oħra li huma kkonċernati dwar l-impatt li se jħalli dan il-proġett fuq l-ambjent Malti. Anna Fava minn Extinction Rebellion Malta tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u qalet li l-NGO marret tagħti s-sapport tagħha għal żewġ raġunijiet.

Fava qalet li l-ewwel nett l-NGO attendiet u qed tagħti s-sapport tagħha minħabba l-ammont ta’ siġar li qed jinqalgħu. Hi spjegat li meta wieħed iħawwel siġar żgħar, dawn ma jassorbux dijossidu tal-karbonju daqskemm jassorbu siġar kbar u maturi. It-tieni raġuni kienet dwar it-trasport. Fava spjegat li t-trasport huwa l-akbar sors għall-emmissjonijiet tal-karbonju u fil-fehma tagħha il-pjan ta’ Santa Luċija mhux se jkun qed joffri spazju għal użu ta’ trasport alternattiv. Hi qalet li s-cycling lanes iridu jingħaqdu.

Catherine Polidano minn Save Santa Luċija Open Spaces Network spjegat lill-Newsbook.com.mt li r-raħal ta’ Santa Luċija oriġinarjament inbena u kien ippjanat li fost il-bini jkun hemm spazji miftuħa u ġonna. Hi qalet li dawn l-ispazji kellhom funzjoni speċifika. Polidano spjegat li jekk xejn, dan il-proġett kellu jsir fi spazju fejn diġà hu żviluppat u mhux minn spazju fejn għadu ma ġiex żviluppat.

Waqt il-velja deher il-membru tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi, kif ukoll Yana Mintoff, bint l-eks Prim Ministru Dom Mintoff.