Filmati: X’inhi l-istorja ta’ Raphael, Kylie u Kadeem?

Kull sena l-Istrina tiġbor il-flus għall-eluf ta’ familji li jiġu bżonn fondi mill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). Il-fondazzjoni tgħin minn tfal sa adulti li ħafna minnhom ibatu minn mard rari jew serju u jkollhom bżonn kura li tiswa l-eluf.

Fost il-persuni li tgħin l-MCCFF hemm ħafna tfal.

“Magħmudija 10 sekondi wara li twieled” – missier Raphael

Missier irrakkonta kif mat-twelid ta’ ibnu t-tobba qalulhom li wisq probabli ma kienx se jgħix, tant li 10 sekondi wara li twieled għamlulu l-magħmudija. Raphael twieled bi problemi serji f’saħħtu, madanakollu llum il-ġurnata qiegħed jilgħab il-bandli.

Kylie għamlet 2 trapjanti; illum tagħmel il-ġinnastika

Iċ-ċkejkna Kylie hija storja ta’ suċċess tal-maratona tal-ġbir ta’ fondi Istrina, għaliex 3 snin ilu, hija kienet marida serjament u llum tagħmel il-ġinnastika. Kylie, fil-ħajja ċkejkna tagħha, diġà għamlet 2 trapjanti, u ommha qalet imbikkma f’filmat ippubblikat fuq il-paġna tal-Istrina, li minkejja dan, trid tibqa’ toqgħod attenta u żżur l-isptar għomorha.

“Ma nixtieqx immut” – Kadeem

Kadeem, tifel li għadda minn operazzjoni serja f’rasu sostna li ma jixtieqx imut. Dan qalu waqt li kien qed jiġi intervistat minn Peppi Azzoppardi qabel il-ġbir ta’ fondi annwali tal-Istrina.

Iċ-ċkejken irrakkonta kif  kien tela’ għall-kura biex joperawh u fetħulu minn għonqu sa rasu f’operazzjoni li damet għaddejja 8 sigħat. Irrakkonta kif it-tobba f’Malta qalulhom li se joperawh u ommu bdiet tibki, iżda hu ma fehemx għaliex bdiet tibki. Sostna li dak iż-żmien lanqas kien jaf xi tfisser operazzjoni. Kadeem spjega li l-operazzjoni setgħet ħallietu għami, jew ma jimxix.

Dis-sena se jinkiser ir-rekord?

Propju f’nofsinhar, ingħata bidu għall-ġbir ta’ fondi annwali waqt L-Istrina, fejn id-domanda tibqa’ jekk hux se jinkiser ir-rekord tas-sena li għaddiet. Propju s-sena li għaddiet il-ħabra kienet qabżet is-€6 miljun. Din kienet ġabra ta’ madwar €500,000 aktar minn fuq is-sena ta’ qabel.

Il-ġabra tal-Istrina taqbeż il-€1,000,000