Filmati u Ritratti: “Miriam issa għandha dar li ma jġarrafha ħadd” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li issa, Miriam Pace, għandha dar li ma jista’ jġarrafha ħadd. Hu qal dan fl-omelija tal-funeral tal-mara li tilfet ħajjitha traġikament nhar it-Tnejn li għadda wara li ġġarfet darha fil-Ħamrun. Il-mara li kellha 54 sena, kienet tgħix maġenb sit ta’ kostruzzjoni flimkien mar-raġel tagħha u wliedha.

L-Arċisqof sostna li kulħadd għandu dritt idur lejn Alla u jgħid li xtaq igawdi iżjed lil Miriam u jistaqsi lil Mulej “imma għaliex?” u “imma int hekk tagħmel mal-qaddejja fidili tiegħek?”. Qal iżda li fl-istess waqt hemm ċertezza li Miriam qed titħaddan mill-ħniena tal-Mulej.

Vittma innoċenti u vittma tal-inġustizzja

L-Arċisqof qal li t-talba kurrenti hija dik li ssir ġustizzja għal Miriam, “mhux vendetta imma ġustizzja”. Qal li għalhekk hemm bżonn li kulħadd jagħti s-sapport lill-istat fil-ħidma tiegħu biex jazzjona din it-talba. Qal li t-talba tal-poplu hija waħda “li meta nkunu f’darna inħossuna safe”.

Insista li l-awtoritajiet li jissorveljaw il-bini ma jkunux faċċata, imma jkollhom dak kollu li għandhom bżonn biex jaqdu dmirhom.

Kompla jgħis li jkun hemm min forsi jistaqsi: “Kellha bżonn tmut Miriam biex din il-ħaġa tkun daqshekk ċara fil-moħħ u l-qalb tagħna?” Insista li għall-magħmul m’hemmx kunsill.

“Miriam kienet mara eżemplari, u omm għal uliedha. Mara miżżewġa, ħabiba ta’ dan is-santwrju u bażilika, devota tal-madonna tal-karmnu,” iddeskriviha l-Arċisqof.

X’ġara nhar it-Tnejn?

Għall-ħabta tas-2.15pm it-Tnejn, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jassistu lill-qraba tal-vittma u persuni oħra.