Filmati u Ritratti: Għexieren jipprotestaw “il-ħakma tal-iżviluppaturi”

Aġġornat 04:51 PM

Read in English.

Għexieren ta’ persuni rħewlha fit-toroq sabiex jipprotestaw kontra dik li sejħulha “l-ħakma tal-iżviluppaturi”. Il-protesta mmexxija mill-Moviment Graffitti bdiet fl-10.30am minn viċin l-iskola ta’ St Thomas More f’Santa Venera.

Din il-protesta ġiet propju wara li t-Tnejn li għadda, mara ta’ 54 sena, Miriam Pace, tilfet ħajjitha wara li ġġarfet darha fil-Ħamrun. Id-dar kienet maġenb sit ta’ kostruzzjoni li skont l-Awtorità tal-Ippjanar kien qed jagħmel xogħol li ma kellux permess jibda jagħmel.

Protesta Kontra l-Ħakma tal-Iżviluppaturi

Posted by Moviment Graffitti on Saturday, March 7, 2020

X’kienu l-punti ewlenin tad-diskorsi tal-protesta?

  • “Kif torqdu billejl intom? Kif jorqod Robert Musumeci, Michael Ferry li suppost inforza, Sandro Chetcuti, Johann Buttigieg?” – Wayne Flask.
  • L-ewwel inġustizzja li saret magħna kienet li ma saritx inkjesta “għax ma weġġa’ ħadd” – Caroline Micallef.
  • “Ġejt, waqqajtli dari, ma tibnix ġebla oħra sakemm lili tibnili dari mill-ġdid” – Caroline Micallef.
  • Inħares lejn din id-dar, jaqbadni l-bard u nħossni 20 sena ilu – Paul Vella, li 20 sena ilu tilef daru u lil ommu f’każ simili ta’ tiġrif ta’ binja f’San Pawl il-Baħar.
  • “Dan demm fuq idejkom ukoll” – Anthea Brincat lill-Awtorità tal-Ippjanar. Brincat iġġarfitilha darha fi Gwardamagia.
  • L-ebda kumpens u materjal mhu ħa jġib lura li kellna u li ħadtulna – Anthea Brincat
  • Rajna l-kollass tad-diċenza f’Malta – Andre Callus

Bżonn aktar taħriġ għal dawk li jaħdmu fil-kostruzzjoni – AD

B’reazzjoni għall-protesta ta’ Moviment Graffitti, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li “l-inċidenti repetuti fl-industrija tal-kostruzzjoni f’temp ta’ ftit xhur huma rifless ta’ sistema li għad ma rnexxilhiex tifhem dak li trid tibdel u tirranġa.”

Hu qal li l-liġijiet u r-regolamenti dejjem hemm lok biex jitjiebu. Qal iżda li fl-aħħar kollox jiddependi minn min japplika dawn il-liġijiet u r-regolamenti. Sostna li m’hemmx biżżejjed nies imħarrġa fid-diversi oqsma tal-industrija tal-bini. Qal li dan mhux biss min-naħa ta’ min jagħmel ix-xogħol imma ukoll min-naħa ta’ min għandu obbligu li jissorvelja.

Sosnta li l-qasam tat-twaqqiegħ u l-iskavar hu wieħed li l-iktar fih dan in-nuqqas. “Għax il-kapaċità li tħaddem il-makkinarju għandu jkun imżewweġ ma tagħlim prattiku u tekniku biex min jaħdem f’dan il-qasam jifhem aħjar l-impatti tal-ħidma tiegħu,” qal Cacopardo.

Filmat: Sephora Francalanza