Filmati: Sajjieda Taljani jsostnu li ġew trattati ħażin mis-suldati Maltin

Mal-wasla tagħhom Sqallija, il-Kaptani tal-bastimenti La Madonnina u Principessa Prima sostnew li ġew trattati verament ħażin mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u spiċċaw imwerwra bil-mod kif ġew trattati sakemm ittieħdu quddiem il-Qorti.

Il-każ seħħ il-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet, meta membri tal-Forzi Armati ta’ Malta interċettaw żewġ bastimenti Taljani li allegatament kienu qed jistadu fil-baħar Malti.

Quddiem il-kameras tat-televiżjoni il-Kaptan Salvatore Penna qal li ma kienx minnu li kienu qed jistadu fil-baħar Malti iżda kienu jinsabu f’baħar internazzjonali.

Saħaq li ma tħalliex jagħmel kuntatt mal-qraba.

Il-Qorti Maltija immultat lis-sajjieda Taljani €20,000 kull wieħed iżda meta ġew biex iħallsu l-multa ġew infurmati li r-reġistru tal-Qorti kien diġa għalaq.

Is-sajjieda kellhom jibqgħu fuq il-bastimenti tagħhom taħt l-osservazzjoni tal-Pulizija.

Dwar dan, il-Kunsillier Dario Cartabellotta, responsabbli mis-Sajd għar-Reġjun Sqalli, sostna li Malta u l-Italja tant huma pajjiżi ħbieb u qrib ta’ xulxin li każi bħal dawn m’għandhomx jiġu ripetuti ‘l quddiem. 

Ġurnali Sqallin sostnew li l-Italja trid tidħol f’diskussjoni mal-Gvern Malti għar-reviżjoni tal-baħar territorjali. 

Il-Corriere di Ragusa irrapporta kif “l-esperjenza li għaddew minnha l-ekwipaġġ taż-żewġ bastimenti Taljani ssekwestrati f’Malta jeħodna lura għaż-żmien tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff” meta fi kliem il-Corriere, “l-infurzar militari fil-fruntieri Maltin kien simili għar-reġim tal-Ewropa tal-Lvant”.