BirdLife toħroġ filmati esklussivi ta’ bejtiet tal-Garni

BirdLife Malta permezz tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija qed ixandar filmati esklussivi miġbudin fil-bejtiet tal-Garni li juru għall-ewwel darba dak li jkun qed jiġri fil-perjodu tal-bejta ta’ dan l-għasfur tal-baħar.
Fi stqarrija, BirdLife spjegat li bis-saħħa ta’ dawn il-filmati mill-bejta tal-Garnija li jinġibdu permezz ta’ kameras apposta magħrufin bħala trail cameras, il-pubbliku jista’ jieħu idea tal-mod kif jgħixu dawn l-għasafar li rari narawhom.
Fl-istess ħin dawn il-filmati uniċi jitfgħu dawl ġdid fuq xi jkun qed jiġri tul il-perjodu tal-bejta fil-post fejn ibejjet il-Garni fl-irdumijiet mal-kosta.
Il-kameras speċjali qed jiġbdu filmati u ritratti mill-Irdum tal-Madonna u l-oħra fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral.
Fl-Irdum tal-Madonna hemm il-kolonja prinċipali ta’ dan l-għasfur tal-baħar f’Malta b’madwar 500 par Garni li jbejjet f’dawn l-irdumijiet. Min-naħa l-oħra fil-Majjistral insibu madwar 250 par.
BirdLife qalet li l-filmati se jgħinu wkoll lit-tim tal-proġett biex jifhem aħjar lil dan l-għasfur tal-baħar vulnerabbli. Spjegaw li dan it-tagħrif huwa neċessarju biex il-proġett jilħaq il-mira tiegħu li jiżgura sopravivenza fit-tul ta’ din l-ispeċi f’Malta. 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=s5Qubp3fk0U]