Filmati: “Missu rreżenja l-AĠ u mhux Justyne” – Peppi Azzopardi

Justyne Caruana | Newsbook

Il-preżentatur televiżiv Peppi Azzopardi qal li missu rreżenja l-Avukat Ġenerali u mhux Justyne Caruana li kienet Ministru għal Għawdex. Mill-banda l-oħra, il-Ministru Aaron Farrugia, wara li faħħar lil Caruana, qal li fiċ-ċirkostanzi kien sew li rreżenjat. Il-MP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li lil Caruana missha nxtegħlitilha bozza ħamra ħafna żmien ilu.

Azzopardi, Farrugia u Comodini Cachia kienu qed jieħdu sehem fil-programm Newsbook Hour li xxandar fuq 103 Malta’s Heart is-Sibt filgħodu.

“Il-PM ried jibgħat sinjal u Caruana qablet miegħu”

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ppjanar Aaron Farrugia qal li ż-żmien (timing) li fih ħarġet l-istorja dwar is-safar ta’ Silvio Valletta ma’ Yorgen Fenech x’aktarx kien il-fattur li wassal għar-riżenja tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Valletta, ir-raġel tal-eks Ministru Caruana, li kien Deputat Kummissarju tal-Pulizija, għamel żmien jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne Caruna Galizia li b’kompliċità fih qed jiġi mixli fil-Qorti Yorgen Fenech.

Farrugia qal li l-Prim Ministru Robert Abela ried jgħaddi messaġġ meta fl-ewwel sigħat mill-ħatra tiegħu, ġie żvelat dan il-każ. Huwa qal li li kieku dan ma ġarax f’dak il-perjodu li kieku Justyne ma kinitx tirreżenja.

“Li kieku dak li ġara ma ġarax f’dan iż-żmien partikulari, jista’ jkun l-eżitu kien ikun differenti. Il-fatt li din ġrat mal-ewwel sigħat mill-ħatra tal-Prim Ministru u dan il-fatt għarfitu wkoll Justyne Carauana,” hu qal.

Hu faħħar il-ħidma ta’ Caruana bħala ministru u stqarr li hi personalment mhux talli m’għamlet xejn ħażin iżda kienet waħda mill-aħjar ministri li ġabet riżultati għall-Gvern.

“Preċedent ikrah”

Min-naħa tiegħu, Azzopardi qal li mhux l-eks Ministru Caruana iżda l-Avukat Ġenerali Peter Grech missu jirriżenja. Huwa qal li dan preċedent ikrah.

“Justyne hija persuna serja,” stqarr Azzopardi.

Huwa qal li mhux sew li politiċi jbatu għal dak li jagħmlu qraba tagħhom, anke jekk ikun ir-raġel jew il-mara jew it-tfal. L-unika eċċezzjoni għandha tkun jekk il-politiku jkun hu stess li għen fl-għemil żbaljat tal-qraba.

“Missha xegħlitilha bozza ħamra”

Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li l-eks Ministru Justyne Caruana u r-raġel tagħha Silvio Valletta kienu qed jokkupaw żewġ pożizzjonijiet delikati li setgħu jpoġġuhom f’riskju għoli ta’ kunflitt ta’ interess.

“Meta Silvio Valletta nħatar fuq il-bord tal-FIAU u ħarġu l-Panama Papers u bdew jiġu investigati l-kollegi tal-mara tiegħu, missha nxtegħlet bozza,” qalet Comodini Cachia.

Hi qalet li kunċett ta’ integrità, trasparenza u kontabilità kellu jixgħel bozza dak il-ħin.