Filmati: L-Isqfijiet jifirħu lil Dun Anton

L-awguri tal-Isqfijiet għall-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma

L-Isqof Anton Teuma għandu l-kwalitajiet biex imexxi lid-Djoċesi ta’ Għawdex u biex jiddedika ħajtu għas-servizz tal-Knisja f’Għawdex. Hekk qalu l-Isqfijiet wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Konsagrazzjoni tad-disa’ Isqof ta’ Għawdex li saret ilbieraħ.

Newsbook.com.mt ħa l-kummenti tal-Isqof Mario Grech, tal-Arċisqof Charles Scicluna u tal-Isqof Joseph Galea Curmi wara l-Konsagrazzjoni Episkopali li saret fil-knisja tax-Xewkija ddedikata lil San Ġwann il-Battista.

L-Isqof Emeritu ta’ Għawdex Mario Grech qal li jemmen li l-Isqof Teuma għandu l-kwalitajiet u għandu l-kariżma biex iwettaq il-missjoni ta’ Knisja fi transizzjoni. Huwa qal dan peress li fl-Omelija spjega kif fil-ġurnata tal-lum il-Knisja tinsab fi transizzjoni.

Huwa fakkar f’dak li qal fl-Omelija tiegħu lbieraħ meta xebbah lill-Knisja ma’ dgħajsa li tkun diffiċli tibdlilha r-rotta peress li jkun hemm il-mewġ ġej għal wiċċek, iżda din, qal l-Isqof, hija l-missjoni ta’ Dun Anton fdata lilu mill-Papa, li lid-Djoċesi t’Għawdex jagħtiha rotta ġdida.

Temm b’appell lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jgħinu lill-Isqof il-ġdid.

L-Arċisqof Charles Scicluna wiegħed lill-Isqof Teuma li se jsib kollaborazzjoni biex jaħdmu flimkien għaż-żewġ dioċesijiet.  Monsinjur Scicluna uża wkoll il-metafora tad-dgħajsa li qed tbaħħar u fakkar li “l-Mulej jgħidilna tibżgħux, anke meta jħabbat il-maltemp irridu naħdmu flimkien għall-glorja ta’ Alla u għal ġid tal-poplu kollu”.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li Dun Anton ħadem ħafna tul is-snin fi spirtu sabiħ. Qal li bħala Isqof m’għandux dubju li bħala ragħaj se jkompli billi jiddedika ruħu kompletament għall-poplu ta’ Alla.

Filmati: Miguela Xuereb