Filmati: “Inaċċettabbli” li l-Istrangers’ Gallery magħluqa; se jipprotestaw

Marion Pace Asciak u Alexis Callus beħsiebhom jiktbu ittra ta’ protesta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati llum wara li lbieraħ ħadd ma tħalla jidħol fl-Istrangers’ Gallery fil-Parlament.

Iż-żewġ attivisti tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u qalu li aġir bħal dan huwa inaċċettabbli.

Spjegaw kif huma ppruvaw jirreġistraw isimhom bid-dettalji biex ikunu jistgħu jsegwu s-seduta parlamentari, iżda ġew infurmati li ħadd ma jista’ jaċċessa l-Istrangers’ Gallery. Alexis Callus wera l-fehma li l-Ispeaker kellu jieħu dan il-pass li kieku huma kienu fil-Gallery u ħolqu xi problemi.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ġġustifika d-deċiżjoni tiegħu bir-raġuni li lbieraħ kien hemm dimostrazzjoni quddiem il-Parlament. Qal li kull meta kien hemm dimostrazzjonijiet il-Belt Valletta, dejjem inqala’ l-inkwiet u kien qed jieħu din id-deċiżjoni għall-protezzjoni tal-membri parlamentari. L-Oppożizzjoni oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni, u l-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-Ispeaker qed iċaħħad lill-poplu milli jattendi s-seduti tal-Parlament u li ma kienx hemm bżonn dawn il-miżuri drastiċi.

Għaldaqstant, l-attivisti saħqu li “din żgur mhux se tieqaf hawn,” peress li jħossu li ċ-ċittadini Maltin qed jiċċaħħdu mill-iċken affarijiet li huma ta’ dritt għalihom. Marion Pace Asciak, eks Chairperson Ad Interim tal-NGO Repubblika, qalet li hi, Callus u Rosette Thake għandhom jiktbu ittra ta’ protesta lill-Ispeaker.

Callus żied jgħid li min kien qed jieħu ħsieb ma kellux reġistru ta’ persuni jew indikazzjoni min jista’ jkun “riskju għas-sigurtà,” għalhekk donnu li kull ċittadin qed jitqies ta’ “theddida għas-sigurtà.” Sostna li din hija xi ħaġa inkwetanti.

Filmati: Miguela Xuereb, Ġurnalista: Monique Agius