Filmati: “Il-Mulej naqqxek fuq il-pala ta’ idu” – L-Arċisqof

“Kultant inħossu li Alla nsiena imma l-Milied jiġi kull sena biex jgħidilna l-Mulej ma nsikx, il-Mulej naqxek fuq il-pala ta’ idu.” Dan kien il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna llum fil-bdil tal-awgurju mal-pubbliku. Huwa semma kif kulħadd għandu missjoni fil-ħajja tiegħu dik li jkun ambaxxatur konkret tal-għożża tal-Mulej mill-bidu tat-tnissil sal-aħħar nifs tal-ħajja.

L-Arċisqof qal li kemm il-darba nisimgħu b’aħbarijiet ħżiena u t-tajbin ma jingħatawx importanza biżżejjed. Huwa qal li t-tkabbir tal-ġid materjali huwa ħaġa tajba u hemm bżonn li jkompli jiżdied; iżda huwa importanti ħafna li mill-ġid ekonomiku igawdi kulħadd minnu u ħadd ma jitħalla lura jew barra.

Il-ħatriet li tah il-Papa

L-Arċisqof semma kif din is-sena l-Papa Franġisku sejjaħlu għal diversi missjonijiet speċjali u talbu wkoll biex jieħu rwol fis-Santa Sede. Huwa qal li dan ma jfissirx li mhux se jibqa’ Arċisqof iżda li se jkun qed jagħti servizz akbar fil-Knisja universali wkoll.  Huwa talab lin-nies biex jitolbu għalih u rringrazzjahom għall-kliem ta’ inkoraġġiment. Huwa rringrazzja wkoll lill-Komunità Nisranija f’Malta li tagħmel ħafna xogħol li ma jidhirx kemm fil-komunità, fix-xogħol tas-servizz lill-oħrajn (id-djakonija), fix-xogħol ta’ evanġelizzazzjoni kif ukoll fix-xogħol biex iwasslu l-Kelma u l-imħabba ta’ Ġesù lill-proxxmu.

Huwa qal li l-Milied għandna nkomplu ngawduh sal-Epifanija biex niċċelebraw il-laqgħa ta’ Ġesù mal-ġnus.  Bħala nsara kellna l-opportunità niltaqgħu miegħu kmieni permezz tal-miġja ta’ San Pawl. Għalhekk meta wieħed jiċċelebra l-Epifanija jkun qed jiċċelebra l-messaġġ tal-paċi, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ għożża għall-ġnus kollha.

L-Isqof Awżiljarju huwa rigal

L-Arċisqof rringrazzja lil Alla għar-rigal li jagħtih fis-sejħa ta’ Mons Joseph Galea Curmi bħala isqof u suċċessur tal-appostli. Irringrazzja wkoll lil Monsinjur Emeritu Pawlu Cremona tal-għajnuna li jagħtih kif ukoll tal-appostolat tiegħu li għamel man-nies li jinsabu fil-periferija.