Filmati: Il-Laburisti Għawdxin jilqgħu lil Josianne Cutajar

Il-partitarji Laburisti laqgħu lill-ewwel Membru Parlamentari Ewropew Għawdxija Josianne Cutajar illejla b’ċelebrazzjoni fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex. Cutajar ġiet eletta fl-aħħar count bi 32,235 vot.

Għalkemm ilbieraħ fil-jum li ġiet iddikjarata rebħa Laburista fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ma kienx hemm wisq ċelebrazzjonijiet fit-toroq f’Għawdex, illejla l-Għawdxin fil-Partit Laburista ċċelebraw il-wasla ta’ Cutajar b’carcade mill-Imġarr Għawdex mat-toroq Għawdxin sakemm waslu fir-Rabat fejn fost daqq ċelebrattiv kien hemm ukoll diskors mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Instagram

Fid-diskors tagħha, Caruana fakkret fl-istqarrija li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex aktar kmieni dalgħodu li fiha l-Ministru qalet li “Għawdex għalhekk jifraħ lil bintu Dr Josianne Cutajar, l-ewwel Għawdxija fil-Parlament Ewropew”.

Aktar kmieni llum, Josianne Cutajar flimkien mat-tliet Ewroparlamentari Laburisti ltaqgħu mal-Mexxej Laburista Joseph Muscat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

AQRA: Muscat jiltaqa’ mal-4 MEPs Laburisti

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt il-Ħadd fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, Josianne Cutajar sostniet li n-nies, bil-vot tagħhom urew li jridu rappreżentanza Ewropea li titkellem favur Malta u Għawdex, lil hinn milli tagħmel il-ħsara.

Filmat: “Urew li jridu rappreżentanti li jitkellmu favur Malta u Għawdex”

Josianne Cutajar hija wkoll blogger ta’ Newsbook.com.mt.

Filmati: Instagram