Filmati: Erfa’ r-responsabbiltà politika – l-MPs tal-PN lil Delia

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li matul il-laqgħa tal-bieraħ tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-maġġoranza l-kbira tal-membri parlamentari talbu lill-Kap Adrian Delia u lill-bqija tat-tmexxija biex jassumu responsabbiltà politika għat-telfa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali.

“…deċiża fi ftit jiem”

Il-maġġoranza kbira tal-membri parlamentari qalu li jistennew li naħa jew oħra din il-kwistjoni tkun deċiża fi ftit jiem, possibbilment sal-aħħar tal-ġimgħa. Dawn l-MPs qed jistennew li sal-aħħar tal-ġimgħa ssir laqgħa oħra tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. L-istess sorsi qalu li l-laqgħa kienet imqanqla ħafna u mimlija tensjoni.

AQRA: Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari nhar it-Tnejn:”taħraq u inkonklussiva”

Minn fost dawk li tkellmu kien hemm min semma biss li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika waqt li oħrajn tkellmu ċar u tond u qalu li din tfisser li Delia u l-bqija tat-tmexxija għandhom jirreżenjaw.

“Xogħli nisma’ u nieħu deċiżjonijiet” – Delia

Filmat: Monique Agius

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt hekk kif spiċċat il-laqgħa ftit wara s-2am, Dr Delia qal li r-rwol tiegħu bħala kap tal-partit huwa li jisma’ lil kulħadd, kemm lill-Grupp Parlamentari, kif ukoll lit-tesserati u lill-votanti. “Ir-rwol tiegħi bħala leader huwa wkoll li nieħu deċiżjonijiet”, żied jgħid Delia.

F’aktar kummenti lill-midja Delia qal li ma jistax jgħid li kienet laqgħa mqanqla. Huwa ddeskriva l-laqgħa bħala waħda twila fejn hu ried li jitkellem kulħadd. Żied jgħid li l-laqgħa “mxiet tajjeb fis-sens li kulħadd qal dak li jaħseb għax irridu nikkunsidraw kollox”. Huwa qal li ma talabx vot ta’ fiduċja iżda li jħoss li m’għandux jidħol f’dettalji.

“Naqdi r-rwol fedelment” – Puli

Filmat: Monique Agius

Newsbook.com.mt ħa wkoll il-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli. Huwa qal li għamlu dak kollu possibbli u li l-politika fiha ħafna sodisfazzjon u ħafna morr. Huwa qal li ddiskuta r-rwol tiegħu internament iżda fil-preżent huwa Segretarju Ġenerali u li sa kemm ikun għadu Segretarju se jaqdi dan ir-rwol fedelment.

“Il-firda ilha”

Tul il-laqgħa tkellmu kważi dawk kollha li attendew. Carm Mifsud Bonnici tkellem lejn l-aħħar u wera li ma jaqbilx li Delia jitlaq. Edwin Vassallo qal li l-firda ilha ġejja minn żmien it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi.

Clyde Puli tkellem biex iċċara diversi punti li ssemmew minn oħrajn u biex jagħti l-ispjega tiegħu dwar kif ġraw l-affarijiet.

Adrian Delia tkellem kważi wara kull wieħed mill-MPs li tkellmu. Ġeneralment tkellem jew biex jistaqsi jew biex jirribatti dak li ntqal.

ARA:  “M’iniex persuna ewlenija fl-istrateġija tal-PN” – Delia