Filmati: “Ejjew innaqqsu r-rabja minn diskorsna, inkunu għajn ta’ mħabba”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta, Claudia Taylor-East, sostniet li Malta tinsab f’punt meta kemm jista’ jkun irridu nnaqqsu r-rabja u l-mibegħda mid-diskors tagħna, u nfittxu kemm jista’ jkun li nkunu sors ta’ mħabba għal ħaddieħor.

Dan qalitu lil Newsbook.com.mt, waqt attività li l-għaqda mhux governattiva organizzat fi Pjazza Tritoni kmieni dalgħodu, proprju fil-Jum Internazzjonali Kontra r-Razziżmu.
Ma’ SOS Malta ngħaqdu għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi oħra, bħal Interga, PHROM, Younite u Aditus, u flimkien iffurmaw katina ta’ bnedmin favur id-diversità mad-dawra tal-funtana li tlestiet mir-restawr ftit taż-żmien ilu.
SOS Malta hija għaqda li tiffaċilita u tħabrek sabiex tgħin fl-inklużjoni tal-barrani u l-fqir fis-soċjetà Maltija, fost l-oħrajn bi proġett ta’ natura soċjali u karitattivi, kemm f’Malta kif ukoll lilhinn.
Taylor-East qalet li l-għan ta’ dan l-avveniment, kważi spontanju, kien li jqajjem kuxjenza favur id-diversità, u kontra r-razziżmu.
Fil-fatt in-nies li ffurmaw iċ-ċirku kienu ġejjin minn bosta bnadi mdwar id-dinja, u min ried seta’ jingħaqad xħin ried.
Bosta kartelluni wkoll, b’nofs ċajta, fakkru kemm il-bniedem fejn irid ma jagħtix kas tad-differenzi, fosthom meta jiġi biex jagħżel x’birra se jixrob, jew x’tip ta’ għaġin jiekol, iżda malajr jiddifferenzja bejn il-persuni, bosta drabi għal ebda raġuni li tagħmel sens.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, li ħadet sehem għal xi ħin fil-katina, u fl-aħħar iffirmat isimha.

Ritratti u filmati: Matthew Borg