Filmati: Delia jgħid li mhux se jressaq vot ta’ fiduċja fl-MPs li riedu jibdluh

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux se jressaq vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fil-membri parlamentari li riedu jibdluh minn Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan qalu lill-ġurnalisti barra l-Parlament illum waranofsinhar qabel ma l-President ħabbar li ddeċieda li Adrian Delia għandu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Delia spjega li l-istruttura tal-Partit Nazzjonalista ma taħdimx b’dan il-mod, meta mistoqsi jekk hux beħsiebu jressaq vot ta’ fiduċja f’dawn id-deputati. Tenna li din mhijiex l-intenzjoni tiegħu.

Mil-laqgħat li kellu l-President mal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 iddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Delia bħala Kap, filwaqt li 11-il persuna esprimew il-fiduċja tagħhom fih. Membru parlamentari wieħed iddeċieda li jastjeni.

Dan il-proċess ta’ laqgħat skatta wara li ttieħed vot ta’ fiduċja li Delia tilef il-ġimgħa li għaddiet, u mbagħad id-Deputati Claudette Buttigieg u Chris Said avviċinaw lill-President bin-nomina ta’ Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.

Mistoqsi wkoll jekk hemmx xi sanzjonijiet għal dawn id-deputati li ma riduhx jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni, Delia qal li ma jidhirlux, iżda jiddiskutu x’se jiġri fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li se ssir għada filgħaxija.

“Nippruvaw naħdmu flimkien” – Clyde Puli

Barra l-Parlament, id-Deputat Clyde Puli ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar x’inhi s-sitwazzjoni issa fil-konfront ta’ dawk id-deputati li sfiduċjaw lil Delia. Huwa qal li se jippruvaw jaħdmu flimkien.

Meta l-ġurnalisti staqsewh jekk hux se jappellaw għar-riżenja ta’ dawn id-deputati, Puli rrepeta li huwa dejjem ħadem ma’ kulħadd, għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż.

Il-President ikkonferma li jgħid l-istatut tal-PN – David Agius

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu. Stqarr li xogħolhom huwa li jirrispondu għall-votanti u għat-tesserati.

Bħalma qalet l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, Agius qal li l-istatut tal-PN jgħid li l-Kap tal-Partit għandu jkun Prim Ministru jew Kap tal-Oppożizzjoni, u allura, id-deċiżjoni tal-President taqbel ma’ dan.

Filmati: Monique Agius