Filmati: Appell mit-tfal quddiem il-mexxejja fil-ftuħ ta’ Milied Flimkien

Tliet studenti mill-Kulleġġ ta’ St Thomas Moore f’Santa Luċija appellaw għal aktar donazzjonijiet tad-demm u tal-organi quddiem il-mexxejja Maltin fl-attività Milied Flimkien.

L-istudenti spjegaw li kellhom nuqqas ta’ għarfien dwar is-suġġett u li jixtiequ jqajmu aktar kuxjenza dwaru.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li żmien il-Milied huwa xbieha tal-imħabba ta’ Alla. Faħħar il-ġenerożità tal-Maltin u li dan jibni fuq il-messaġġ tal-Papa dwar is-solidarjetà. Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Milied mhux qiegħed hemm biss għall-Insara imma għal kulħadd. Qalet li din il-festa tippromwovi l-altruwiżmu.

Il-Prim Ministru tkellem dwar id-differenza bejn l-intelliġenza artifiċjali u l-bniedem. Qal li l-magni qatt ma jistgħu jiġu pprogrammati biex iħobbu. Qal li xejn ma jegħleb l-imħabba li tista’ tiġi mill-qalb tal-bniedem. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li jkun hemm min hu ħerqan biex igawdi ż-żmien tal-Milied, però li hemm oħrajn li jħossu n-niket minħabba s-solitudni jew il-faqar. Delia appella lin-nies biex jagħmlu kuraġġ lil xulxin.