Filmati: “Aħna parti mill-problema” – Simone Vella Lenicker, Kamra tal-Periti

Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker stqarret li l-periti huma parti mill-problema fis-settur tal-kostruzzjoni. Fakkret li l-Kamra tal-Periti ma kinitx attendiet protesta kontra l-iżvilupp bla rażan li saret is-sena li għaddiet fil-Belt Valletta, għax “ammettejna li aħna wkoll parti mill-problema”.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ippjanar u l-ambjent, Vella Lenicker spjegat kif inutli li wieħed jiddiżinja bini sabiħ fuq il-karta, jekk imbagħad m’hemmx mezzi biex dan isir b’mod adekwat u li jkun ta’ kwalità u sigurtà għal kulħadd.

Dwar l-inċidenti ta’ kostruzzjoni fl-aħħar xhur, Vella Lenicker qalet li qatt ma jkun hemm raġuni waħda biss għaliex iseħħu l-inċidenti, li xi kultant anke jkunu fatali. Semmiet li jkun hemm min fost il-pubbliku li jipponta subgħu lejn il-perit u li dan mhux ġust għax dan is-settur mhux regolat. “Nistħi ngħid li m’għandniex regolamentazzjoni u ma jistax jeħel il-perit tal-iżbalji li jkun għamel il-kuntrattur”, żiedet tgħid.

Il-PA qed tfarfar ir-responsabbiltà – Prof. Alex Torpiano

Prof. Alex Torpiano, id-Dekan tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni qal li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tfarfar ir-responsabbiltà. Staqsa jekk il-viżjoni ta’ Malta għall-futur hix tajba, kif ukoll dwar il-parir li ngħata lill-Ministru li f’Malta l-popolazzjoni hi kbira ħafna. Irrimarka li Pariġi għandha densità ta’ 15-il darba ikbar minn Malta, imma fl-ippjanar tagħha rnexxielha tinkludi minjiera ta’ spazji pubbliċi. Prof. Torpiano stqarr li l-Awtorità tal-Ippjanar tistenna proposti simili mill-iżviluppaturi, filwaqt li titlef opportunità li timbotta biex ikollna iktar ħdura.

“Nafu xi jfisser il-faqar tal-ilma u n-nixfa” – Manuel Sapiano, Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano, qal li l-ilma f’Malta huwa skars u għaldaqstant hemm il-ħtieġa li wieħed jibda mill-premessa li n-natura ma tantx hi ġeneruża magħna f’dan l-aspett. Saħaq li għaldaqstant Malta tista’ tirrelata fil-qrib ma’ parti mil-Laudato Sì meta titratta l-faqar tal-ilma minħabba nuqqas ta’ aċċess u nixfa.

Sapiano fisser kif matul is-snin Malta investiet f’sistemi għall-immaniġġjar tal-ilma. Madanakollu insista li hemm bżonn li jkollna policies dwar il-“ħolqien” tal-ilma, imma qabel xejn policies ukoll dwar l-użu u r-rimi tiegħu. Fakkar kif f’Malta jintużaw madwar 110 litri per capita kuljum, meta mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 200 litru per capita kuljum. Sapiano stqarr li l-mod kif nużaw l-ilma juri li aħna konxji mill-iskarsezza tiegħu hekk kif hemm min jiftakar kif fit-tmeninijiet il-viti kienu niexfa qoxqox.

Ħeġġeġ lill-poplu biex jagħmel bidliet żgħar biex jgħin il-konservazzjoni tal-ilma. Fost l-oħrajn billi:

  • insewwu viti li jkunu jnixxu
  • ma nħallux l-ilma ħiereġ bla bżonn
  • nużaw aerator
  • nużaw flushing tat-toilet iżgħar

“Ejja nagħtu kas ir-relevanza tat-trasport fil-ħajja tan-nies” – Sebastian Ripard, Bolt

Sebastian Ripard, Group Chief Operations Manager tal-kumpanija Bolt stqarr li fl-ippjanar tat-trasport hemm bżonn li wieħed jagħti kas ir-relevanza fil-ħajja tan-nies.  Irrimarka li bħalissa l-ispazji pubbliċi qed jintużaw għat-toroq minflok għar-rikreazzjoni. “Bolt se tintroduċi l-e-scooters biex tissostitwixxi it-trasport bil-karozzi”, stqarr Ripard. Enfasizza li fil-baġit il-Gvern għandu jħares lejn ekonomija ħadra.

“M’għandna xejn infinit” – Perit Michelle Piccinino, ERA

Il-Perit Michelle Piccinino mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), qalet li xogħol l-Awtorità hu li tipproteġi u tivvalorizza l-ambjent mhux żviluppati. Irrimarkat li l-poplu Malti issa rrealizza li l-importanti mhux biss kemm għandu flus fil-but jew kemm l-ekonomija sejra tajjeb, imma li jrid assigurazzjoni tal-kwalità tal-ħajja.

“Irridu nirrealizzaw li m’għandna xejn infinit, lanqas l-art, aħna aktar minn ħaddieħor għax parti minn gżira”, żiedet tgħid il-Perit Piccinino.

“Kull deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq il-ġid komuni” – Michelle Borg, PA

Tkellmet ukoll Michelle Borg mill-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li aħna ħlejjaq li għandna l-libertà li nagħżlu u li kull deċiżjoni tagħna għandha tkun ibbażata fuq il-ġid komuni. Saħqet li meta jiġu għad-deċiżjoni l-Periti għandhom iżommu f’moħħhom il-ġid komuni.

Min ipparteċipa iktar fil-webinar?

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-kaxxi tas-sulfarini tal-konkrit li qed naraw fl-ibliet u l-irħula, lanqas huma tajbin bħala gallinari għat-tiġieġ aħseb u ara biex jgħixu fihom il-bnedmin:

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia saħaq dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn l-ippjanar tal-użu tal-art u l-ambjent. Sostna iżda li l-ambjent jinsab fil-quċċata tal-aġenda.

L-Inġ. Ryan Callus, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immaniġġjar tal-Enerġija u l-Ilma, saħaq li għandu jintlaħaq qbil dwar it-trasport tal-massa, li m’għandux jinkiser minħabba bidla fil-gvern.

Konrad Pulè, Maniġer Ġenerali  tal-Malta Public Transport stqarr li “jekk veru rridu niksbu l-bidla fil-kultura u l-imġiba għal mobbilità sostenibbli, għandna bżonn policies li jagħmlu aktar attraenti modi oħra ta’ trasport li huma aktar nodfa.

U int x’lest tagħmel għall-ambjent?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt