Filmati: Abela u Grech b’battibekk fuq l-immigrazzjoni fl-ewwel laqgħa tagħhom

Robert Abela Bernard Grech
Ritratti: Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-ġdid Bernard Grech illum kellhom l-ewwel laqgħa bejniethom mindu Grech rebaħ l-elezzjoni għal Kap nhar is-Sibt li għadda. Madankollu, bdew fuq sieq ħażina għax l-ewwel laqgħa tagħhom kienet waħda ta’ diżgwid u battibekki, minkejja li Grech sejħilha laqgħa “kordjali.”

Hu u jgħaddi kummenti lill-ġurnalisti wara l-laqgħa, Dr Grech qal li jifhem il-karattru tal-Prim Ministru u li dan ried joħroġ b’saħħa. Qal li hu mhux ta’ dak l-istil imma xorta waħda jirnexxilu jgħaddi l-messaġġ tiegħu. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal lill-ġurnalisti li kien diżappuntat bl-atteġġjament ta’ Dr Grech, billi hu stenna li Kap ġdid se jressaq suġġetti ġodda għad-diskussjoni, u mhux jibqa’ jisħaq fuq is-suġġetti li kienu ilhom jiddiskutu l-predeċessuri tiegħu.

Għal laqgħa, li saret fl-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Parlament, kien hemm preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-President tal-PL Daniel Micallef. Il-laqgħa saret ftit wara li Grech ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari.

Abela jgħid lil Grech jirtira l-kumment li Malta mhix full up

Il-qofol tal-laqgħa kien is-suġġett tal-immigrazzjoni.

Bernard Grech hu tal-fehma li għandha ssir konferenza ġenerali fuq l-immigrazzjoni u l-popolazzjoni, jiġifieri mhux fuq l-immigrazzjoni irregolari biss, imma anke fuq l-immigranti li jiġu Malta legalment biex jaħdmu.

Insista li jeħtieġ li jsir magħruf kemm mis-87,000 ruħ li kienu ġew Malta biex jaħdmu baqgħu hawn, u x’sar minnhom. Grech irid li l-impatt tagħhom fuq il-popolazzjoni u s-soċjetà Maltija jiġi studjat.

Skont Grech, Abela ma fehemx dan il-punt u ddiskuta biss l-immigrazzjoni irregolari. Qal li Abela għamel “monologu twil” fuq dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista fuq l-immigrazzjoni irregolari, mentri dan ma kienx il-punt tiegħu.

Waqt il-laqgħa, Abela stieden lil Grech biex jirtira l-kumment li għamel li Malta mhix full up. Qallu li b’dan il-kumment fixkel il-missjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea sabiex din tifhem ix-xkiel li għandha Malta bl-immigrazzjoni irregolari. Qal, iżda, li jekk Grech mhux beħsiebu jingħaqad miegħu fuq dan il-punt, huwa xorta se jibqa’ jsostnih u se jibqa’ jaħdem biex jidħlu kemm jista’ jkun ftit immigranti irregolari f’Malta, partikolarment għan-nies tal-lokalitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa, fost l-oħrajn, peress li ħafna mill-immigranti jmorru jgħixu f’dawn il-lokalitajiet.

Electrogas: “Jekk jaf bil-korruzzjoni missu diġà talab li tinfetaħ inkjesta pubblika” – Abela

Iż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll it-talba ta’ Grech li ssir inkjesta pubblika fuq il-ftehim tal-Electrogas.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li min ikun jaf bil-korruzzjoni, għandu l-obbligu li jirrappurtaha lill-Pulizija u mhux jikteb dwarha fuq il-midja soċjali biss. Lil Grech qallu li missu għamel bħal Simon Busuttil u talab inkjesta maġisterjali jekk jemmen li hemm korruzzjoni. Qallu wkoll li diġà qiegħed tard wisq għax għaddew 24 siegħa.

Filmati: Miguela Xuereb

X’jidhirlek mill-ewwel laqgħa bejn il-mexxejja?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt