Filmati: “8 ġimgħat ilu waqgħet il-binja; għadna ma nafu xejn” – residenta

Read in English.

Caroline Micallef, residenta ta’ waħda mill-binjiet li ġġarrfet fi Gwardamanġa, viżibbilment emozzjonata, qalet kif issa ilha tmien ġimgħat li ġġarrfet il-binja tagħhom, iżda huma għadhom ma jafux x’se jiġri minnhom. Residenti oħra li tkellmu qalu li ħajjithom inbidlet mil-lejl għan-nhar għalkollox, għaliex minkejja li pprovdewlhom saqaf temporanju fuq rashom, ħajjithom ma tistax tibqa’ l-istess. Ir-residenti kollha dehru emozzjonati huma u jindirizzaw il-folla li nġabret ilbieraħ għall-protesta organizzata mill-Moviment Graffitti kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi.

Aqra: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Il-protesta bdiet minn ħdejn l-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa, għaddiet minn ħdejn il-binja li ġġarrfet nhar il-Ħamis li għadda u li ħalliet lil ħames familji bla dar, u ntemmet ħdejn l-uffiċini tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) fi Gwardamanġa stess. Kien mument imqanqal meta l-folla bdiet tkanta l-innu tat-tim tal-futbol Ingliż Liverpool FC, You’ll Never Walk Alone, b’solidarjetà man-nies li għaddejjin minn dan it-tiġrib.

Aqra: Aġġornata (2): Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Caroline qalet li ma fadlilha “assolutament xejn.” Qalet li kulma fadlilha minn ħwejjiġha huma papoċċ u piġama. Insistiet li hi u l-erba’ familji l-oħra li kienu joqogħdu fl-istess binja tagħha jridu risposta. Residenta oħra, Raisa, staqsiet għaliex qed jiġri hekk, u qalet li jixtiequ struttura li tkun viżibbli. Anthea, residenta oħra, bdiet tibki u tgħid li t-trawma li għadhom għaddejjin minnha ma ntemmitx għax sabulhom post. Insistiet li mhux se jieqfu jiġġieldu għall-ġustizzja. Ir-residenti kollha wrew li apprezzaw il-folla numeruża li nġabret biex tipprotesta kontra l-kostruzzjoni bla rażan li qed taffettwa ħajjet ir-residenti.

Andre Callus mill-Moviment Graffitti qal lil Newsbook.com.mt li hu ta’ inkoraġġiment kbir li nġabru daqshekk nies għal din il-protesta. Qal li n-nies qed juru li huma mxebbgħin, u jemmen li jekk in-nies jorganizzaw ruħhom jistgħu jbiddlu l-affarijiet, għax, wara kollox, “hemm ħajjitna fin-nofs,” temm jgħid Callus. Waqt id-diskors tiegħu fil-protesta huwa ħabbar il-mewt tal-ħaddiem li waqa’ erba’ sulari f’sit tal-kostruzzjoni fil-Qawra nhar il-Ħamis li għadda. Callus qal li dan kien is-seba’ persuna li tilfet ħajjitha waqt xogħol f’sit tal-kostruzzjoni f’sena u nofs. Dawk preżenti fil-protesta kellhom ftit mumenti ta’ silenzju b’rispett lejn dan il-ħaddiem.

Aqra: Filmat: Imut il-ħaddiem li waqa’ f’sit tal-kostruzzjoni fil-Qawra

Filmati: Miguela Xuereb