Filmati: “20 xahar ilu splodejtu bomba biex nittarrxu u nimmutaw” – Manuel Delia

Read in English.

Il-blogger Manuel Delia qal li 20 xahar ilu Daphne Caruana Galizia inqatlet permezz ta’ karozza bomba sabiex il-poplu jittarrax u jimmuta.

Hu kien qed jitkellem waqt il-vġili li jsir fis-16 ta’ kull xahar quddiem il-mafkar għall-ġurnalista li jinsab mad-dawra tal-monument tal-Assedju l-Kbir, faċċata tal-Qorti.

Delia għamel referenza għall-protesta żgħira ta’ Occupy Justice li saret waqt is-summit li sar f’Malta nhar il-Ġimgħa, li sostna ħasdet lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Tenna li l-libertà tal-espressjoni mhux biss fil-pożittiv, jiġifieri kemm wieħed ifaħħar lill-Prim Ministru Joseph Muscat u jsejjaħlu “alla tiegħu” imma wkoll tinkludi l-kritika u li żżomm persuna kontabbli tal-ħażin li qed tagħmel.

Fid-diskors tiegħu semma kif waqt li kien qed jattendi l-Festival tal-Ġurnaliżmu fl-Italja ra l-premju Daphne Caruana Galizia jmur għal Sandro Ruotolo li hu wieħed mid-19-il ġurnalist li jgħixu taħt skorta kontinwa għax mhedded mill-kriminalità organizzata. Tenna li ħajtu hija mħarsa mill-Istat Taljan li jirrikonoxxi li hu d-dmir tal-istat li jipproteġi lill-ġurnalisti. Sostna li l-Kostituzzjoni Maltija wkoll trid li l-Istat jipproteġi lill-ġurnalisti, imma minflok insista li l-istat Malti lill-ġurnalisti jikkontrollahom jew billi jimpjegahom, jew bir-reklamar, jew bit-theddid tal-libelli f’Malta u lil’hinn minnha, jew inkella jħalli lil xi ħadd jittajjar permezz ta’ karozza bomba.

Messaġġ ta’ tama għall-attivisti kontra l-korruzzjoni

Il-whistleblower Ana Garrido Ramos kellha messaġġ ta’ tama għall-attivisti ta’ kontra l-korruzzjoni. Hi qalet lil dawk kollha preżenti sabiex flimkien joħolqu networks ibbażati fuq l-etika, is-solidarjetà u l-ġustizzja u b’hekk joħolqu xi ħaġa għall-ġenerazzjonijiet futuri. Hi fakkret li d-drittijiet li għandhom il-bnedmin illum il-ġurnata huma grazzi għal dawk kollha li fil-passat iġġieldu għalihom.

Hi u titkellem dwar il-whistelblowers u l-ġurnalisti, Garrido Ramos qalet li bosta qed jiġu kkastigati talli jiddeċiedu li jsegwu s-sewwa. Qalet li filwaqt li fil-każ tagħha tilfet kollox ħlief id-dinjità u l-prinċipji tagħha, għal Caruana Galizia l-mewta kienet waħda fiżika. Għaldaqstant temmen li l-ispirtu tagħha għadu ħaj.

Garrido Ramos li rebħet il-premju kontra l-korruzzjoni flimkien ma’ Daphne Caruana Galizia mingħand Transparency International fl-2018 kienet impjegata tal-Gvern f’Boadilla Town Hall. Hi kienet tiġi sfurzata tiffirma kuntratti illegali li jmorru għall-benefiċċju ta’ politiċi korrotti. Hi kienet irrifjutat li tagħmel dan u saħansitra kienu ppruvaw jixtruha biex tagħmel dan. Meta raw li din it-tattika mhux se taħdem għaddewha minn martirju sħiħ fuq ix-xogħol sakemm waqgħet f’dippressjoni.

F’dak iż-żmien bdiet tagħmel ir-riċerka tagħha li wasslet sabiex għaddiet dokument ta’ 300 paġna lill-uffiċċju tal-Prosekutur għall-kontra l-korruzzjoni bil-każ isir magħruf bħala “Gürtel”.

“Is-sitwazzjoni bħalissa għandha bżonn persuni attivi” – Mario Grech

Mario Grech li wkoll indirizza l-folla miġbura quddiem il-Qorti li bħal bosta mill-attivisti miġbura fil-pjazza jattendi għal dan il-vġili xahar wara xahar u jitlob għall-ġustizzja. Hu wissa li s-sitwazzjoni kurrenti għandha bżonn parteċipanti attivi u mhux persuni li jisimgħu fis-skiet. Grech tenna li l-lealtà tal-poplu għandha tkun lejn Malta u l-liġijiet tagħha u mhux lejn il-politiċi u l-partiti.