Filmat: Żvilupp fit-triq prinċipali bejn Qormi u Luqa

Il-konnessjoni prinċipali bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa issa se tiġi karreġġjata doppja b’erba’ korsiji, fejn iż-żewġ karreġġjati se jkunu separati b’central strip li se jkollha crash barriers, dawl LED u sistemi oħra ta’ sigurtà.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żar ix- xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas,  proġett b’investiment ta’ €9.5 miljun. Huwa spjega kif il-proġett se jiġi implimentat f’diversi fażijiet biex jiġi evitat kemm jista’ jkun l-inkonvenjent.

Borg spjega li dan il-proġett huwa importanti speċjalment minħabba li din hija waħda mir-rotot prinċipali ta’ aċċess għall-Ajruport, għall-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, għall-Freeport u għal negozji oħra, proġett li se jiswa ta’ ġid anke għall-ekonomija billi jtejjeb l-effiċjenza għal diversi setturi kummerċjali u industrijali li jiddependu fuq dawn il-postijiet.

Il-proġett se jinkludi wkoll passaġġi pedonali ġodda, bus lay bys aktar siguri, inħawi landscaped u cycle track segregat b’tul ta’ kilometru li se jingħaqad mal-korsija għaċ-ċiklisti li ġiet introdotta fi Vjal l-Avjazzjoni s-sena l-oħra.