Filmat: “Żmien fejn il-kbir jingħaqad maż-żgħir” – Zammit Xuereb, Newsbook Webinar

Read in English.

Id-Direttur tal-Ospitalità fl-AX Group, Claire Zammit Xuereb irrimarkat li dan jista’ jkun żmien fejn l-operaturi l-kbar jingħaqdu mal-operaturi żgħar, biex jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet ta’ negozju.

Zammit Xuereb, li ta’ kuljum tmiss b’idejha l-effetti tal-coronavirus fuq is-settur turistiku, kienet qed titkellem waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt, bit-tema l-ekonomija wara l-Covid-19.

Kompliet tispjega li d-distakk bejn it-turiżmu tal-massa u t-turiżmu ta’ kwalità se jikber u li għaldaqstant la n-numri se jonqsu xorta wasal iż-żmien li Malta tiffoka fuq l-esklussività permezz ta’ iktar kwalità u niċeċ aħjar. Il-lukandiera qalet li Malta għandha potenzjal li tattira suq ta’ kwalità.

Hija saħqet li t-turiżmu ħa xokk u kellu jadatta lilu nnifsu u jfittex opportunitajiet ġodda.  Fissret li minħabba d-distanza soċjali x-xejriet tas-suq, il-bżonnijiet u l-aspettattivi nbidlu. Temmen li d-domanda se ddawwar ir-rotta għal aktar attivitajiet fuq barra.

Sostniet li hemm bżonn appoġġ lejn l-Air Malta għax hi l-unika linja tal-ajru li għandha f’qalbha l-ekonomija Maltija u t-turiżmu.

Il-webinar kien indirizzat ukoll mill-Arċisqof Charles Scicluna, mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u msieħba ewlenin fis-settur.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn