Filmat: Żifna b’sorpriża fuq iz-zuntier ta’ San Pawl fir-Rabat

Dawk kollha li nhar l-Erbgħa filgħaxija nzertaw għaddejjin mir-Rabat, qatt ma stennew li z-zuntier tal-knisja ta’ San Pawl seta’ jinbidel f’dancefloor.
Għadd mhux ħażin ta’ adoloxxenti u żgħażagħ mir-Rabat inġabru flimkien fuq iz-zuntier u f’daqqa waħda bdew jiżfnu u jkantaw  live l-kanzunetta Joyful Joyful u anke l-kanzunetta Bil-Qalb ta’ Kristu li għandha kliem ta’ Fr René Cilia u mużika ta’ Fr Luke Cutajar.
Iż-żifna b’sorpriża – jew aħjar magħrufa bħala flashmob, kienet idea ta’ Fr Luke Cutajar, saċerdot novell li lejliet l-ewwel prima messa tiegħu, xtaqt jagħmel attività bit-talb u jħajjar aktar nies jersqu lejn l-adorazzjoni Ewkaristika.
Meta ż-żifna ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna, kulħadd kien mistieden għall-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija li tqiegħed fuq artal armat għall-okkażjoni fuq iz-zuntier.  Wara ftit riflessjoni, Fr Luke Cutajar ta l-barka sagramentali.
L-idea ta’ Fr Luke u ta’ sħabu kienet li ż-żifna tiġbed l-attenzjoni ta’ bosta u mix-xejn jinħoloq għarfien dwar is-sejħa saċerdotali u l-bżonn tas-saċerdot għall-Ewkaristija.
Fr Luke Cutajar ġie ordnat saċerdot il-ġimgħa li għaddiet flimkien ma' sitta oħra.  Dawn huma: Dun Brian Gialanzè, Dun Paul Mizzi, Patri Christian Borg, Patri David Cortis, Patri Clinton Farrugia u Patri Joseph Formosa.