Filmat: Żgħażagħ jiddiskutu l-korruzzjoni u t-tibdil fil-klima

Aktar minn ħamsin żgħażagħ qattgħu tlett ijiem jiddiskutu temi bħall-korruzzjoni u t-tibdil fil-klima waqt il-ħames edizzjoni tal-konferenza annwali tal-Malta Model United Nations Society.

Il-President tal-MaltMUN Society Emma Grech qalet lil Newsbook.com.mt li t-tema ta’ din is-sena kienet “Ego Vs. Leadership”. Il-konferenza hija simulazzjoni tal-kumitati tal-Ġnus Magħquda (UN). Iż-żagħżagħ, li wħud minnhom ġew minn barra, fasslu wkoll riżoluzzjonijiet bil-proposti tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MaltMUN Society Andrea Schwaiger spjegat li ż-żgħażagħ li jieħdu sehem fil-konferenza jtejbu l-ħiliet tagħhom fit-tmexxija, n-negozjar, u l-abbilità tagħhom biex jitkellmu fil-pubbliku.

Matul il-konferenza, iż-żgħażagħ ikunu qed jirrappreżentaw pajjiż. Permezz tar-riċerka li jkunu għamlu, waqt id-diskussjonijiet iridu jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-politika attwali tal-pajjiż li jkunu ġew allokati. Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm il-kriżi tal-Venezwela, il-korruzzjoni fl-istrutturi tal-poter, il-persekuzzjoni reliġjuża, it-tibdil fil-klima, u l-intelliġenza artifiċjali (AI). L-attività saret bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru.

Prijorità fil-libertajiet individwali tfisser sigurtà – Schapiro

Iċ-Chargé d’Affaires tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta Mark Schapiro qal li pajjiżi li jipprijoratizzaw il-libertajiet individwali u l-valuri ewlenin huma ħafna drabi dawk li huma l-aktar siguri, ekonomikament vibranti, u sinjuri fid-dinja. Schapiro kien wieħed minn dawk mistednin biex jindirizzaw lill-parteċipanti tal-konferenza.

Tibżgħux tkunu kritiċi – il-President

Il-President ta’ Malta George Vella qal li mbilli ma jkunx hemm anarkija, mhux kull tip ta’ tmexxija hija aċċettabli. Qal ukoll li l-NGOs jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet politiċi u li dan huwa dak li jiġri f’demokrazija parteċipattiva. Vella qal li qed issir aktar komuni li nies li jridu l-poter jirkbu fuq temi li jkunu qed jattiraw lill-pubbliku. Vella appella liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux jkunu kritiċi.

Iż-żgħar jafu jkunu idealisti – Farrugia

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia li ndirizza ċ-ċerimonja tal-għeluq, tkellem dwar l-attivista favur l-ambjent Greta Thunberg. Qal li filwaqt li ż-żgħar jafu jkunu aktar idealistiċi mill-kbar, huma dawn l-ideali li jwasslu għall-bidliet fid-dinja.

Il-Manager tal-Konferenza ta’ din is-sena kienet Clare Camenzuli. Jeremy Mifsud, Katrin Busuttil, Jake Muscat, u Nicole Spiteri huma l-Viċi-President, Uffiċjal Finanzjarju, Uffiċjal tal-Loġistika, u Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-għaqda rispettivament.

Filmat: Miguela Xuereb