Filmat: Żewġ terroristi jinqatlu waqt li jippjanaw attakk fi Brussell

Anke l-Belġju bħalissa jinsab b’seba’ għajnejn wara li żewġ suspettati Iżlamiċi nqatlu mal-lejl waqt rejd kontra t-terroriżmu. 
Is-suspettati nqatlu fil-belt ta’ Verviers, kważi mal-fruntiera tal-Ġermanja, wara li fetħu n-nar fuq il-pulizija. 
Ħidmet il-pulizija waslet ukoll għall-arrest ta’ terrorist ieħor li weġġa’ waqt l-isparatura u għexieren ta’ rejds oħra fi Brussell u l-ibliet tal-madwar fosthom f’Anderlecht fejn instab splussiv ġo binja. 
It-tliet militanti kienu ilhom ġimgħa li waslu mis-Sirja u bdew jippjanaw attakk terroristiku ieħor fl-Ewropa, din id-darba proprju fi Brussell.
Mal-lejl ġie rrappurtat li fil-Belġju kien hemm żewġ sparaturi oħra, din id-darba f’Angleur u Amercoeur, fil-provinċja ta’ Liège, fejn instabu wkoll numru ta’ kalashnikov. 
L-isparaturi ġraw waqt li l-pulizija kienu qed jipprovaw jiġru wara karozza li ġiet interċettata f’Lussemburgu.
Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Europol, hemm bejn 3,000 u 5,000 persuna Ewropea li ngħaqdu mal-militanti jihadisti.  Fost dawn, hemm 400 persuna Belġjana.