Filmat: Żewġ sulari fl-1867, 8 sulari fl-2017?

Binja fi Triq Santa Marija f’Tas-Sliema qed tistenna d-destin tagħha hekk kif għada għandu jiġi deċiż jekk titwaqqax u ssirx lukanda.
Kelliema minn Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Tara Cassar, saħqet li minkejja li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali tat il-parir professjonali li din il-binja għandha valur storiku u għandha tinżamm, l-Awtorità tal-Ippjanar xorta qed tirrakkomanda li titwaqqa’.
Cassar qalet li ma tifhimx il-punt li l-awtoritajiet jitolbu l-parir tal-esperti, imbagħad ir-rakkomandazzjonijiet jiġu injorati.
Residenta lmentat li b’din il-lukanda ta’ 8 sulari, “Se jidfnuna qalb il-konkrit.” Resident ieħor irrifjuta li jagħti kumment hekk kif qal, “Għalfejn nitkellmu? Mhux xorta li jridu jagħmlu?”
L-izvilupp propost huwa fuq id dar numru 142/3, li fil-ħin tal-konferenza tal-aħbarijiet ma kellha ebda dokument imwaħħal mal-faċċata. L-imsiemer fejn twaħħal il-permess oriġinarjament għadhom preżenti, xhieda li l-permess xi darba kien hemm.
FAA staqsiet kif il-policies preżenti qegħdin dejjem jiġu interpretati b’mod li jiffavorixxu l-iżvilupp. “Jekk dawn il-policies ma humiex ċari li jipprovdu protezzjoni għal bini f’żoni ta’ konservazzjoni urbana, allura dawn il-policies għandhom jinbidlu,” sostniet Cassar.
Il-Perit Edward Said, bħala rappreżentant tas-Sliema Heritage Society, qal li fl-2016 saru numru ta’ applikazzjonijiet għal twaqqigħ ta’ bini fiċ-ċentru storiku f’Tas Sliema. Huwa qal li għalkemm l-Awtorità tal-Ippjanar tħambaq dwar il-ħarsien tal-identità tal-binjiet storiċi, xorta qed isiru rakkomandazzjonijiet biex uħud minn dawn l-applikazzjonijiet jibdew bl-iżvilupp. Said qal ukoll li f’numru ta’ każijiet, anke s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali tat il-barka tagħha biex jitwaqqa’ bini ta’ wirt storiku.
Filmat Ian Noel Pace.