Filmat: Żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2019

Fi stqarrija, id-Dar qalet li r-rebbieħa huma ċ-Chairperson tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) Oliver Scicluna u l-kumpanija Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, rappreżentata minn Charles Cuschieri, ko-fundatur tal-kumpanija.

Din is-sena kien hemm żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi tad-Dar tal-Providenza.

Dan ħabbru Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-kunċert annwali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar ilbieraħ fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina b’risq id-Dar tas-Siġġiewi fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà.

Dan il-Premju, li tnieda għall-ewwel darba fl-1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l-kontribut ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.

Oliver Scicluna kien ġie appuntat bħala Chairperson tas-CRPD f’Marzu 2014. Bħalissa huwa qed iservi wkoll fuq diversi kunsilli u bordijiet fuq livell nazzjonali. Huwa wkoll Viċi Ċerpersin tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija Informatika. Kien serva bħala Ċerpersin tal-Kumitat Azzjoni Soċjetà Ġusta, li kien kumitat li jagħti pariri għat-tħejjija tal-Politika Nazzjonali dwar id-Diżabilità.

Scicluna ġie maħtur bħala l-ewwel Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità f’Ġunju 2016. 

Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, kumpanija li tagħti servizz ta’ konsulenza fil-qasam tal-inġinerija, kienet twaqqfet fl-1979 mill-Inġinier Albert G. Camilleri, illum mejjet, u l-Inġinier Charles Cuschieri u din is-sena qed tfakkar l-erbgħin sena mit-twaqqif tagħha.

L-Assoċjazzjoni ta’ Camilleri & Cuschieri mad-Dar tal-Providenza bdiet meta Mons. Lawrence Gatt sar direttur tad-Dar fl-1987.  Minn dak iż-żmien sal-lum, il-kumpanija għażlet li tassapportja lid-Dar b’għajnuna professjonali bħala parti mill-Corporate Social Responsibility tagħha. 

Fl-2012, l-Inġinier Cuschieri kien ukoll ippremjat bil-premju ta’ “Eċċellenza fil-Leadership” mill-Kamra tal-Inġiniera ta’ Malta. Huwa wkoll Fellow tal-Institution of Engineering and Technology tal-Ingilterra.

Il-kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kien taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella.

Intant fuq l-istazzjon tar-radju 103 qed issir maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza.

Good Morning 🙂 Ronald Briffa supporting the 30 hour marathon in aid of Dar Tal-Providenza Siggiewi on 103.

Posted by 103 on Friday, December 6, 2019

Filmati u ritratti: Dar tal-Providenza