Filmat: Żewġ persuni jikinsu l-mafkar ta’ Daphne f’borża tal-iskart

Read in English.

Żewġ ħaddiema tal-Gvern inqabdu fuq filmat jarmu kull oġġett li tpoġġa fil-post fejn qed jintuża’ minn għexieren ta’ persuni bħala mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Dan deher f’filmat ippubblikat mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Aquilina qal li ż-żewġt irġiel neħew u remew f’borża tal-iskart sewda il-bosta fjuri, xemgħat u ritratti ta’ Caruana Galizia f’nofs ta’ lejl.

Bosta attivisti qed jagħmlu użu mill-Monument tal-Assedju l-Kbir, li jinsab faċċata tal-Qorti, bħala mafkar għall-ġurnalista. Dan l-att ilu suġġett għal kontroversja qawwija għal dawn l-aħħar sentejn. Bosta huma dawk li jikkritikaw lill-attivisti u li jsostnu li l-monument ma għandux jintuża għal skopijiet oħrajn għajr dak li tpoġġa hemm għalih.

Aqra: Ritratti: Persuni jneħħu r-ritratt ta’ Daphne minn fuq il-mafkar

Aqra: Filmat: Raġel ineħħi r-ritratti ta’ Daphne mill-mafkar

Intant, filwaqt li għal xi xhur wara l-assassinju, il-mafkar kien tħalla hemmhekk, aktar tard hu beda jitnaddaf ta’ spiss mill-ħaddiema tal-Gvern. Fil-Qorti kien ħareġ li dan kien qed isir fuq ordni tal-Ministru għall-Ġustizzja nniffsu, Owen Bonnici.

Aqra: Il-Ministru Bonnici ordna li jitnaddaf il-mafkar ta’ Daphne – Debattista

Bosta attivisti u anke ġurnalisti li użaw dan il-mafkar b’rispett għall-ġurnalista, mhux l-ewwel darba li ġew aggrediti u mgħajra. Il-Kap tal-Ħelsien tal-Media tal-Bureau tar-Renju Unit ta’ Reporters Without Borders ġiet mgħajra ‘bitch’ waqt li kienet qed tpoġġi xi posters mal-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Intant mhux l-ewwel darba li ġurnalisti li rrappurtaw it-tneħħija tal-oġġetti mill-mafkar jew attivisti li kienu qed ifakkru l-ġurnalista ġew aggrediti mill-pubbliku jew ħaddiema tal-Gvern stess.

Aqra: Filmat: Ġurnalist ta’ Newsbook attakkat quddiem il-mafkar ta’ Daphne