Filmat: Żewġ irġiel jeqirdu l-mafkar ta’ Daphne

Read in English.

Filmat miġbud minn midja Franċiża juri żewġt irġiel jeqirdu l-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u jgħajjru lill-aħwa tagħha li kienu preżenti. Il-mafkar, b’sinjal ta’ protesta jitpoġġa kuljum quddiem il-Qorti. Magħmul minn xemgħat, ritratti, messaġġi u fjuri, jintrama fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti.

Fil-programm investigattiv Franċiż bl-isem Enquête exclusive li xxandar ilbieraħ, jidhru żewġt irġiel li jmorru fuq il-mafkar ta’ Daphne u jibdew jitfgħu l-affarijiet mal-art.  Huma bdew jgħajjtu li fjuri u xemgħat huma illegali, u li m’għandux ikun hemm politika fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir. L-inċident iseħħ għall-madwar id-39 minuta u 49 sekonda fil-filmat.

Barra minn hekk, jibdew jgħajjru lill-aħwa ta’ Daphne li kienu preżenti fuq il-post. Ħutha qalulhom li l-mafkar jikkommemora ġurnalista assassinata, imma l-irġiel jinjorawhom. Wieħed minnhom anka jwaddab l-affarijiet lejn waħda mill-aħwa meta pruvat twaqqafhom.

Waħda mill-aħwa tgħid lill-midja Franċiża li hija normali li l-mafkar jitneħħa. Għalkemm hemm kameras dirett fuq il-monument, ħadd qatt ma jiġi mfittex.

Aqra: Filmat: Ġurnalist ta’ Newsbook attakkat quddiem il-mafkar ta’ Daphne

Il-mafkar bi protesta li jitpoġġa mill-attivisti jitneħħa kuljum kemm mill-ħaddiema tal-gvern kif ukoll minn nies li jkunu għaddejja minn hemm hekk.

Ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt  kien safa attakkat minn ħaddiem tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika quddiem il-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Huwa kien lemaħ ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika jneħħu l-istrixxun li tellgħu l-attivisti dakinhar filgħodu mad-dawra tal-monument tal-Assedju l-Kbir. Il-ħaddiem tad-Dipartiment mar fuq il-ġurnalist u ordnalu jieqaf jiffilmja u ħin minnhom ħadlu l-mowbajl minn idejh.

Aqra: Jerġa’ jitneħħa l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-programm Franċiż żvela wkoll filmat ta’ aġent Malti għall-bejgħ taċ-ċittadinanza jiftaħar bil-ħbiberija tiegħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli.

Aqra: Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern